Claudio Grech, PN
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella biex ikun imfassal pjan soċjo-ekonomiku għal Malta.
Fil-parlament Claudio Grech tkellem dwar il-possibbiltà li jsiru assoċjazzjonijiet bejn diversi kumpaniji biex uħud minnhom ma jispiċċawx. Hu tkellem dwar il-ftuħ tal-ekonomija Maltija u qal li bħalissa hemm tliet fatturi li qed joħolqu livell ta’ tħassib foshtom in-nuqqas ta’ komunikazzjoni fl-industrija.
Il-komunikazzjoni trid issir b’aktar kjarezza lil min għandu l-investiment biex dan ikun jista’ jippjana. Hemm ukoll in-nuqqas ta’ ċertezza dwar il-vaċċin anki jekk ikun hemm mewġa oħra tal-virus. Id-distanza bejn il-persuni qed iġġib realtà ġdida li qed iġib bidliet u inċertezza.
Dan kollu qed iwassal għal impatti fuq il-konsum u mal-livell tal-impjiegi u l-investiment. Għalhekk kien importanti li l-għajnuna tal-gvern tilħaq lil kulħadd u li l-gvern jagħti pjan lil hinn mid-9 ta’ Ġunju 2020.
Jekk il-gvern iwaqqaf l-għajnuna fid-9 ta’ Ġunju 2020, se jkun hemm numru ta’ ażjendi li jkollhom diffikultajiet.
L-għajnuna li tingħata għandha tkun immirata għas-setturi individwali, sostna Claudio Grech, li kompla li kif inhuma l-affarijiet illum ma jistax isir ippjanar.
Claudio Grech qal li l-pajjiż għandu bżonn pjan soċjo-ekonomiku ġdid; ekonomija li mhix ibbażata fuq in-numri. Jeħtieġ ngħollu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu u l-familji Maltin. Il-pajjiż ma jistax imur lura għall-ekonomija tal-konsum sfrenat iżda fuq il-kompetizzjoni u l-iżvilupp.
//= $special ?>