Lokali

Il-Cabin Crew tal-AirMalta msejħa biex jivvotaw

Matul il-jum, ittieħed vot dwar jekk il-membri tal-Cabin Crew tal-Air Malta jaqblux jew le mal-ftehim li ntlaħaq fin-negozjati bejn it-tmexxija tal-linja tal-ajru nazzjonali u l-Union tal-Cabin Crew.

Għal sitt sigħat, l-impjegati kienu msejħa jmorru jivvotaw fiżikament, u mhux b’mod virtwali, sabiex wara ġimgħat sħaħ ta’incertezza…għalissa ħadd ma jitlef xogħolu ġaladarba kulħadd ibaxxi rasu għar-rieda tal-Air Malta. Dan ifisser li jekk il-vot finalment jgħaddi… fiż-żmien li ġej ħadd ma jkun qed jitlef ħobżu iżda jridu jaqblu ma’ numru ta’ kundizzjonijiet.

Sorsi li tkellmu ma’ NET NEWS spjegaw li l-ħaddiema tal-cabin crew ġew mqassma f’ħames kategoriji skont it-tip ta’ kuntratt li huma marbutin bih mal-Air Malta. Ġie spjegat li skont il-ftehim, l-agħar li ser imorru huma l-full timers li ilhom tal-post, dawk magħrufa aħjar bħala ‘tat-take home pay’. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li minn medja ta’ €33,000 garantiti fis-sena, issa ser ikollhom jinżlu għal paga ta’ €14,000 fis-sena u ser ikunu qed jitħallsu apparti tal-vjaġġi li jagħmlu. Dan ifisser li l-paga bażika tagħhom ser tkun qed tonqos b’aktar minn 50%.

It-tieni kategorija huma dawk il-full-timers li ġaladarba jgħaddi l-vot ser ikunu qed jaħdmu b’reduced hours u bl-istess kundizzjonijiet tal-ewwel kategorija; ghalkemm ir-reduced se jkunu qed jiddahhlu jahdmu bhala t-tieni ghażla.

It-tielet kategorija hija magħmula minn circa 8 nisa li jaħdmu bħala full time reduced hours u qed jitqiesu bħala t-tielet prijorità għal-linja tal-ajru.

Dan filwaqt li l-aħħar żewġ kategoriji huma magħmula mill-part-timers – l-ewwel kategorija huma magħrufa bħala tal-post li ser ikunu qed jinżammu fuq il-kotba u jingħataw titjira darbtejn fis-sena sabiex ma tiskadilhomx il-liċenzja. Il-part-timers l-oħra huma dawk li l-kumpanija ma’ ġedditilhomx il-kuntratt definit tagħhhom.

Din l-aħħar kategorija hija magħmula minn madwar 150 ħaddiem li ġaladarba jivvotaw favur dan il-ftehim, hemm il-possibilità li l-kuntratt ikun imġedded għal 5 xhur oħra… iżda l-ebda ċertezza li se jinżammu. Fil-maġġoranza tagħhom dawn il-ħaddiema allegatament ingħataw l-impjieg fi żmien l-elezzjoni ġenerali tal-2017.