Lokali

Il-Korp jieħu passi dixxiplinarji fil-konfront tal-kuntistabbli

Jiċħdu li ngħatat ordni biex jiġu mitkellma persuni oħra

“Immedjatament bdiet investigazzjoni min-naħa tat-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija. Fl-istess waqt bdew ukoll proċeduri dixxipplinarji fil-konfront tal-Pulizija”.

Hekk sostnew kelliema għall-Korp tal-Pulizija wara li kuntistabbli ppublikat filmat tagħha stess fuq il-midja soċjali ta’ TikTok, fejn dehret tiżfen waqt li kienet liebsa l-uniformi tal-Korp. Ingħad li l-Amministrazzjoni tal-Korp saret taf bil-filmat dakinhar stess tal-pubblikazzjoni u minnufih ordnat lill-kuntistabbli sabiex tneħħi immedjatament l-filmat.

Dan filwaqt li l-Korp tal-Pulizija ċaħad b’mod kategoriku li ingħat ordni sabiex il-Pulizija jagħmlu kuntatt ma’ persuna jew persuni sekondarji sabiex jitneħħa l-filmat minn fuq paġna partikolari fuq il-midja soċjali ta’ Facebook. Kelliema għall-Korp sostnew li l-unika persuna li għamlu kuntatt magħha kienet proprju l-kuntistabbli.

B’rabta ma’ dan kollu, il-Pulizija spjegat li jekk mill-investigazzjonijiet jirriżulta li xi uffiċjal tal-pulizija abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u għamel kuntatt ma’ persuna jew persuni biex ineħħu l-filmat, se jittieħdu passi kontrih.