Lokali

“Inżommu l-għaqal biex ma nitilfux kollox” – Adrian Delia

Importanti li ma nkissrux is-sagrifiċċji li għamilna u li nżommu l-għaqal li urejna s’issa biex ma nitilfux ir-riżultati pożittivi miksuba. Dan kien l-appell konġunt li ħareġ waqt laqgħa li delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kellha mat-tmexxija u l-istaff taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista – magħmula mill-Kap tal-Partit Adrian Delia u mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Maria Deguara u Mario Galea – tkellmet mar-rappreżentanza taċ-Ċentru tas-Saħħa barra l-binja, minfejn anke setgħet issegwi l-mod professjonali kif qed issir il-ħidma f’dan iż-żmien ta’ sfidi għas-settur mediku.

Adrian Delia tenna r-ringrazzjament tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista lill-ħaddiema kollha f’dan is-settur għall-mod kif baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom … anke issa li l-pajjiż beda l-perjodu tranżitorju biex joħroġ mill-pandemija u jnaqqas ir-restrizzjonijiet. Kompla li bl-għaqal biss nistgħu nibdew ingawdu bil-mod il-mod il-frott tas-sagrifiċċji li għamilna bħala pajjiż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li xorta bħalissa jibqgħu jgħoddu l-pariri kollha li qed jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa għax hu b’hekk biss li nkunu verament qed nagħtu l-appoġġ tagħna lill-istaff mediku, li għaddej qatigħ biex jara li saħħitna lkoll tibqa’ protetta.

Min-naħa tagħhom, l-istaff mediku spjegaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom. Dan filwaqt li fakkru fis-sensittività ta’ dan il-perjodu, fejn wieħed tajjeb li jifhem li aktar jista’ jkun hemm inċidenza meta jkunu niżlin in-numri, milli meta jkunu tilgħin… u għalhekk, tajjeb li nkomplu naġixxu b’kawtela.