Konvint li min għadu qed jobdi d-direttivi, qed jagħmel dan grazzi għall-impenn kontinwu u l-appelli tat-tobba. Hi ħasra li l-Gvern jidher li m’għandux biżżejjed esperjenza fuq kif jimmaniġġja r-riskji, minkejja l-appelli li qed isiru mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Kliem it-tabib Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija waqt laqgħa virtwali ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Kap tal-Partit Adrian Delia.
Akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri u Maria Deguara, kif ukoll mill-President tal-Forum Professjonisti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista Graham Bencini, Adrian Delia rringrazzja lill-impjegati kollha li jahdmu fis-settur mediku, li fakkar li hu importanti dejjem, iżda ferm aktar f’dan iż-żmien, bil-kriżi li laqtet lid-dinja kollha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li – mhux biss bħala politiku, iżda wkoll bħala missier – iserraħ rasu meta jara li uliedu u ulied kull wieħed u waħda minna jkunu fl-idejn tajbin tat-tobba meta l-aktar li jkollna bżonn serħan il-moħħ.
Adrian Delia fakkar kif laqgħat bħal dawn qed jgħinu biex il-Partit jisma’ aktar u jkun jista’ wkoll iwassal il-messaġġ tas-setturi differenti tas-soċjetà fit-tfassil tal-politika tiegħu.
Min-naħa tiegħu, it-tabib Martin Balzan qal li hu tajjeb li ċerti miżuri jkunu rilassati biex tkun mgħejjuna l-ekonomija, iżda dan jaf ikun pass riskjuż għas-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax meta tnaqqas l-infurzar, fil-verità tkun qed iddgħajjef is-Saħħa Pubblika u r-risk assessment jaf ma jkunx effettiv.
Matul il-laqgħa, ipparteċipa wkoll il-Viċi President tal-MAM, JP Tabone.
//= $special ?>