Fil-bulettin mediku li qed tagħti tlett darbiet fil-ġimgħa s-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci llum ħabbret każ wieħed pożittiv , wara li fil-jum tat-Tlieta ma kienu rreġistrati ebda każi.
Intant wara li lbieraħ ma kienx hemm lanqas persuni li fiequ mill-virus, fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 6 li ġew iddikjarati ħielsa mill-Covid-19 biex issa fiequ total ta’ 491 persuna.
Għaldaqstant issa l-każi attivi huma 114.
Il-kaz li ħareġ pożittiv illum hu ta’ ragel ta’ 71 sena li kien rikoverat fl-Isptar Mount Carmel. Hu kien qed jinżamm fi kwarantina hekk kif kien għadu kemm iddaħħal l-isptar. Ir-raġel kellu kundizzjoni respiratorja u ttestja pożittiv wara sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs.
Bħalissa hemm 11-il pazjent bil-Covid-19 fl-isptar Boffa, 5 fl-isptar St Thomas, 4 fit-taqsima tal-infezzjonijet infettivi f’Mater Dei, 2 f’wards oħra f’Mater Dei, 5 fl-isptar Karen Grech u pazjent fl-isptar Mount Carmel.
Charmaine Gauci fetħet il-bulettin tal-lum billi tat il-kondoljanzi lill-familjari tal-anzjan ta’ 97 sena li miet f’Karen Grech wara li ħa l-virus meta kien rikoverat hemmhekk. L-anzjan huwa s-seba’ vittma tal-pandemija f’pajjiżna, u l-mewt tiegħu kienet imħabbra aktar kmieni permezz ta’ stqarrija tal-Gvern.
//= $special ?>