Internazzjonali

L-Iran: Għadab għal missier li qatel lil bintu ‘biex isalva l-unur’

Eluf kbar ta’ nies użaw il-media soċjali biex jikkundanaw bla riservi l-qtil brutali ta’ tfajla ta’ 14-il sena taħt idejn missierha – li ftit wara spiċċa arrestat mill-pulizija. Il-missier wettaq il-qtil ‘biex jirrispetta l-unur tal-familja’ wara li bintu, Romina Ashrafi, kienet ħarbet mid-dar biex tkun mas-sieħeb tagħha ta’ 35 sena. Dan kien seħħ wara li l-missier kien oġġezzjona għaż-żwieġ ta’ bintu mar-raġel inkwistjoni.

Intant, it-tfajla u s-sieħeb kienu nstabu mill-pulizija, bit-tfajla tintbagħat lura d-dar minkejja li protestat mal-pulizija li ‘kienet qed tibża’ għal ħajjitha’. Fil-fatt, hi, ftit wara, spiċċat attakkata u mbiċċra minn missierha li daħal għaliha fil-kamra tas-sodda – bil-qattiel, imbagħad, joħroġ mid-dar u jammetti dwar il-qtil.

L-omiċidju faħxi nissel xokk fost il-poplu Iranjan, b’mezzi tal-istampa riformista fl-Iran jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ leġislazzjoni li tipproteġi lin-nisa u l-bniet minn dawn ir-reati ‘ta’ unur’.

L-abbonaturi fuq Twitter ikkundannaw ukoll ‘in-natura patrijarkali tas-soċjetà Iranjana b’mod ġenerali’.