Coronavirus Lokali Mużika Saħħa

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta b’għadd ta’ kunċerti fir-residenzi

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) nediet serje ta’ kunċerti bil-ħsieb li jservu l-għan ta’ outreach f’diversi residenzi. Il-kunċerti, li se jittellgħu kull ġimgħatejn nhar ta’ Ġimgħa filgħodu, se jwasslu messaġġ pożittiv u ta’ tama lir-residenti u l-ħaddiema ta’ dawn id-djar.

Dan kollu se jsir b’ħarsien lejn ir-regoli tad-distanzi soċjali li japplikaw f’dan iż-żminijiet. Permezz ta’ dawn il-kunċerti l-MPO qed tipprommwovi l-mużika klassika filwaqt li qed toffri pjattarforma unika ta’ vjaġġ emozjonanti lil persuni li qed ikunu effettwati mill-pandemija.

Iċ-Chairman Eżekuttiv, Sigmund Mifsud, qal li l-orkestra hija kommessa li tagħti l-kontribut tagħha għall-benessri ħolistiku tas-soċjetà permezz tal-inizjattivi tagħha.

Fost ir-residenzi li se jkunu qed igawdu minn dawn il-kunċerti hemm Jasmine Nursing Home, Hilltop Gardens, Casa Antonia, Casa Leone, Holy Family Home, St Vincent de Paul Residence u d-Dar tal-Kleru.