Lokali Qorti

Melvin Theuma se jkompli jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech nhar it-Tnejn

Melvin Theuma li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn li ġej mistenni jkompli jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fil-qtil tagħha. Dan wara li bil-mod il-mod jidher li se jibda jirranka xi ftit ix-xogħol fil-Qorti wara li ġew differeti ħafna mis-seduti minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.

Melvin Theuma ta’ 42 sena minn Birkirkara kien xehed fit-13 ta’ Frar li għadda, f’din il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello u kien imwissi minnha biex jgħid il-verità u ma jistax iwieġeb “ma jafx” jew “ma jiftakarx”.

Il-Maġistrat Rachel Montebello kienet ġibditlu l-attenzjoni li f’siltiet partikolari Theuma jiftakar b’mod ċar xi jkun intqal, u f’mumenti oħra jirrispondi li ma jafx.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra u jekk ikun baqa’ l-ħin wara li jkompli jagħti x-xhieda Theuma, jista’ jixhed ukoll l-Ispettur Zahra nniffsu.

Fl-20 ta’ Frar li għadda meta kienet kompliet il-kumpilazzjoni fil-Qorti, il-Maġistrat kienet sostniet li fuq talba tal-Prosekuzzjoni u minħabba l-importanza tal-każ għandhom jixhdu fil-kumpilazzjoni l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri kif ukoll Kenneth Camilleri, l-eks uffiċjal tas-sigurtà tal-Prim Ministru u Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Fenech.

Dan fid-dawl tal-fatt li dawn il-persuni kienu kontinwament qed jissemmew minn Melvin Theuma fix-xhieda tiegħu. Il-kawża kellha tkompli fit-23 ta’ Marzu li għadda iżda wara l-ħruġ ta’ Avviż Legali li kien pubblikat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fis-7 ta’ Marzu, kawża tal-pandemija tal-COVID-19, is-seduta tħassret.

Minn dak inhar ‘l hawn saru diversi talbiet mill-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran għal libertà proviżorja ta’ Yorgen Fenech li kollha ġew miċħuda.

Yorgen Fenech kien tressaq il-Qorti fit-30 ta’ Novembru li għadda wara li kien ġie arrestat mill-Pulizija 10 t’ijiem qabel meta allegatament kien qed jipprova jaħrab bil-jott tiegħu.

Huwa kien ingħata l-police bail erba’ darbiet. Fenech, li huwa sid il-kumpanija f’Dubai 17 Black kien għamel ukoll tliet talbiet għal maħfra Presidenzjali, li kienu ġew ukoll miċħuda.

Yorgen Fenech qed iwieġeb mhux ħati li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ppomova jew iffinanzja attività jew organiżazzjoni kriminali biex iwettaq reat. Jekk jinstab ħati wara li jgħaddi ġuri, huwa jista’ jiġi kkundannat għal għomor il-ħabs.

Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru, 2017 viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniz u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħalaa il-Fulu, huma akkużati li poġġew il-bomba taħt is-seat, in-naħa ta’ fejn hija ssuq.