F’konferenza tal-aħbarijiet li saret illejla, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li “Mhux se mmur għal vot ta’ fiducja għax kollox sar b’mod demokratiku u trasparenti” Bjorn Vassallo beda l-konferenza billi ta’ kronoloġija ta’ dak li seħħ minn meta ġie pospost il-futbol lokali sa nhar it-Tnejn li għadda meta ttieħed il-vot dwar il-klassifiċi finali fil-Kunsill tal-MFA.
“M’hemmx regolamenti dwar sitwazzjonijiet straordinarji u għalhekk se nkun qed nipproponi sett ta’ regolamenti għal sitwazzjonijiet bħal dawn,” żied jgħid Vassallo. Hu qal li wara bosta laqgħat li kellu mal-awtoritajiet tas-saħħa kien hemm inċertezzi dwar kif se jiġi mplimentat il-protokoll mediku .
Vassallo għamel ukoll kjarifika dwar numru ta’ allegazzjonijiet li sarulu fejn ċaħad li attenda ċelebrazzjonijiet ta xi klabb waqt li kien qed jokkupa kariga fl-MFA, ċaħad li intervjena biex klabb li kien affiljat migħu jiġi promoss u caħad ukoll li kien hemm tibdil fir-regolamenti biex jiġi aġevolat xi klabb.
Dwar il-Kampjonat Premier b’16 –il tim.
Vassallo qal li dan seħħ biex il-kampjonat ma jiġix bil-fard fid-dawl li Tarxien Rainbows kienu matematikament relegati iżda salvaw posthom fil-Kampjonat Premier wara l-vot ta’ nhar it-Tnejn. Hu żied jgħid li m’huwiex se jmur għall-vot ta’ fiduċja għaliex sar kollox b’mod “demokratiku u trasparenti.”
Mistoqsi dwar il-vot ta’ nhar it-Tnejn
Meta mistoqsi minn din il-kamra tal-aħbarijiet dwar jekk kelliex issir domanda waħda minflok tlieta, hu qal li d-deċiżjoni dwar il-vot ttieħdet mill-Kumitat Eżekuttiv u ma kinitx deċiżjoni li ħa waħdu. Vassallo żied jgħid li hu għandu manifest xi jwettaq biex itejjeb il-futbol lokali. Vassallo qal ukoll li l-MFA mxiet mad-dati stipulati mill-Kumitat Eżekuttiv rigward jekk l-MFA setgħetx rebħet aktar ħin biex tiddeċiedi jekk l-istaġun għandux jitkompla. Fakkar ukoll li kien hemm għaxar klabbs li riedu l-kampjonat jieqaf, tlieta riedu li jkompli u wieħed li astjena.
X’rimedji hemm jekk xi klabbs jaħsbu li l-vot mhux ġust
Vassallo wieġeb li klabb ma jistgħax itella’ lill-asoċċjazzjoni l-qorti f’pajjiżna, iżda jista’ jmur quddiem il-CAS li hija il-qorti fejn klabb jista’ jressaq l-ilmenti tiegħu fil-konfront tal-asoċċjazzjoni. Hu ċaħad ukoll li wasslitlu xi informazzjoni dwar allegatament lobbying u offerti ta’ flus li saru minn xi klabbs. Fuq iċ-ċelebrazzjonijiet li saru wara li tħabbru r-rebbieħa tal-kampjonati, Vassallo qal li l-MFA m’għandiex kontroll dwar xi jsir f’postijiet barra mill-konfini tal-MFA.
X’se jagħmel dwar il-qasma bejn il-klabbs?
Vassallo qal li din il-qasma minn dejjem kienet u qal li issa huwa ż-żmien li kulħadd jersaq mal-mejda tad-diskussjoni biex jiġu rranġati id-differenzi. Fil-konlużjonijiet tiegħu, Vassallo qal li l-Kunsill huwa l-ogħla organu fi ħdan l-MFA u kien għalhekk xieraq li din d-deċiżjoni kellha tittieħed mill-Kunsill fejn hemm raprreżentat kulħadd.
//= $special ?>