Lokali

“Sfaċċatament kontra l-interess pubbliku” – Editorjal

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nindunaw kemm il-proġett ewlieni tal-Partit Laburista, il-Power Station tal-gass f’Delimara, naqas milli jħares l-interess pubbliku.

Il-Power Station, u kif dan il-proġett kien mifni b’kontroversji sa mill-bidu tiegħu fl-2015, kien is-suġġett ewlieni tal-editorjal tal-ġurnal Times of Malta.

L-editorjal jispjega li l-politiċi ħadu deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu minn esperti fil-qasam, u għalkemm uffiċjalment Joseph Muscat u Konrad Mizzi m’għadhomx fuq quddiem tax-xena politika, xorta waħda għandhom iwieġbu għall-fatt li naqsu serjament milli jħarsu l-interessi tal-konsumatur – il-poplu Malti.

Meta l-Electrogas iffirmaw ftehim sabiex jixtru l-gass mingħand il-kumpanija tal-Gvern tal-Azerbaijan Socar, huma qablu li jixtru l-gass bi prezz fiss ta’ $11.50 għal kull unit sal-2022. Il-prezz fis-swieq internazzjonali ilu jinżel ‘l isfel f’dawn l-aħħar ħames snin u bħalissa, qed jinxtara bi prezz medju ta’ $1.81 ċenteżmu kull unit – madwar seba’ darbiet inqas mill-prezz li bih intrabtet il-kumpanija għal dawn is-snin kollha.

Anki l-ftehim ta’ hedging għal ħames snin sħaħ ħalla lill-konsumaturi Maltin esposti għal ħafna riskji fis-swieq tal-kommoditajiet.

U l-fatt li s-Socar inħatru bħala aġent biex jinxtara l-gass mill-kumpanija Shell kien element ieħor ta’ dan il-kuntratt li għamel tant ħsara lill-interess pubbliku.

L-Editorjal ikompli li jgħid x’jgħid il-Gvern, ir-realta’ tibqa’ illi f’dawn l-aħħar ħames snin, il-konsumaturi Malti kellhom iħallsu ħafna iktar għall-enerġija minħabba dan il-ftehim difettuż sa mill-bidu tiegħu.

Barraminhekk, dak li nkixef mill-Panama Papers iqajjem tħassib serju li l-proġett tal-power station ma kienx sempliċement każ ta’ inkompetenza politika.

U proġetti oħrajn bħall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi u t-tkabbir tal-faċilitajiet f’San Vinċenz jikxfu mismanagement politiku u agħar li sar l-ordni tal-ġurnata taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Muscat issa għandu xi forma ta’ rabta mal-Gvern tal-Azerbaijan u Mizzi baqa’ fir-Renju Unit għal raġunijiet suppost mediċi.

L-Editorjal itemm li l-Gvern irid jimxi lil hinn mill-kliem sbieħ u proposti dwar is-saltna ta’ dritt …u jgħaddi għall-fatti, għaliex in-nuqqas ta’ kontabilita’ għadha l-ordni tal-ġurnata.Il-Gvern għandu jieħu azzjoni reali biex issir ġustizzja f’dan il-każ ta’ ħela ta’ assi pubbliċi fejn it-taxpayer Malti qed ikollu jħallas ħafna iktar mill-prezz tas-suq għall-enerġija.