Lokali Parlament

Spiża ta’ €250 mill-MTA kull darba li passiġġier fuq VistaJet jara filmat dwar Malta

Fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) irriżulta li parti mill-ftehim tal-kuntratt ta’ €4.5 miljun bejn l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) u l-Vista Jet kien li meta klijent waqt titjira juża I-pad provdut u li permezz tiegħu jara filmat fuq Malta, l-Awtorità Maltija tkun qed tħallas €250.

Sadanittant ma saret l-ebda media plan għat-tieni u t-tielet sena ta’ dan il-kuntratt u li kien ikun aħjar li kieku dan sar. Dan ħareġ minn dak li qal Leslie Vella, li huwa deputat CEO tal-MTA.

Vella filwaqt li faħħar dan il-kuntratt li sar fil-Ministeru tat-Turiżmu minħabba li l-għan tiegħu huwa li jġib Malta turisti ta’ kwalita, qal ukoll li l-MTA ma kienet ġiet konsultata xejn dwar dan il-kuntratt.

Vella qal fl-opinjoni tiegħu ma sar xejn ħażin f’dan il-kuntratt u tenna li l-€1.5 miljun fis-sena kienu jagħmlu sens. Fuq mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwar jekk kienx hemm partijiet mill-kuntratt li ma ġewx onorati, fosthom li Malta kellha tingħata reklamar fuq stazzjonijiet bħal Bloomberg u CNBC, huwa qal li ma jafx, u li kien se jagħmel il-verifiki tiegħu.

Huwa qal ukoll li sa fejn jaf hu, intervista li kellha ssir mal-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Edward Zammit Lewis, jidher li ma saritx minn dawn l-istazzjonijiet tant magħrufa.

Filwaqt li qal li l-flus inħarġu mill-MTA qal li fil-filmati li saru fl-avjazzjoni ma’ din il-kumpanija kien deher il-logo 9H li dan ikun qed jagħmel riferenza għal Malta.

Ħareġ ukoll li l-kuntratt ma kienx jagħti obbligu lill-Vista Jet biex iġibu t-turisti lejn Malta, qal iżda li dawn kienu jġorru 40,000 passiġġier ta’ kwalità lejn 1,900 ajruport madwar id-dinja u li għalhekk dan il-kuntratt kellu jkun ta’ niċċa mportanti għal Malta.

Iċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li huwa mhux kontra l-branding u li jsiru dawn it0tip ta’ ftehim, imma li dak kollu li jsir ikun ta’ valur. Leslie Vella qal li l-kuntratt kien iffirmat fis-16 ta’ Jannar tal-2016.

Dwar it-target audience fl-2016 qal li dawn kienu ta’ 4,000 u sena wara 6,000 iżda li dawn huma nies ta’ ċertu piż, nies li jonfqu u li ħafna minnhom imexxu kumpaniji kbar u li jħobbu jinvestu.

Qal li Vistajet kienet ġiet iffurmata fl-2004, u fl-2012 għamlet l-ewwel pass meta ġabet l-operation centre tagħha f’Malta. Fl-2016 din il-kumpanija ħarġet mill-Isvizzera u ġiet Malta bi 58 ajruplan reġistrat u qed tħaddem 300 persuna.

Fuq aktar mistoqsijiet ta’ Beppe Fenech Adami, Vella qal li huwa se jiċċekkja jekk kienx hemm artikli dwar Malta li suppost saru u xi filmati oħra li tenna li jeżistu u li mistenni jgħaddihom lill-PAC.

Fuq mistoqsija tad-Deputat Kristy Debono dwar jekk minħabba l-fatt kienx hemm xi punti li jidher li ma ġewx onorati fil-kuntratt iffissirx li kien hemm ksur tal-istess kuntratt, Vella qal li dan kien ftehim ma’ kumpanija ta’ statura kbira li li għandha valur fis-suq ta’ aktar minn biljun dollaru. Il-preżenza u ftehim tagħha aġevola lil pajjiż għax daħlet udjenza li ma kienx hawn bħala f’Malta.