Il-pulizija fil-belt ta’ Minneapolis, fl-Istat ta’ Minnesota, kellhom numru ta’ konfronti vjolenti ma’ dimostranti wara li miet raġel iswed li kien qed jinżamm mill-pulizija.
Il-qawwiet għaż-żamma tal-liġi sparaw il-gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti li wieġbu bi tfigħ ta’ ġebel lejn il-pulizija – bi gruppi ta’ nies jiżbgħu l-vetturi tal-istess pulizija bil-graffiti.
L-inkwiet inqala’ wara li beda jiċċirkola filmat ta’ George Floyd, raġel iswed ta’ 46 sena, minxur mal-art waqt li pulizija kien qed jagħfas irkubbtejh fuq għonqu. Floyd jinstama’ jgħid li ‘ma setax jieħu nifs’ fuq il-filmat u anki beda jitlob lill-pulizija ‘biex ma joqtlux’ – bin-nies li nzertaw fl-inħawi jinsistu biex l-uffiċjal tal-liġi inkwistjoni ma jkomplix jimmaltrattah.
Ir-raġel, aktar tard, ittieħed b’ambulanza lejn l-isptar fejn miet ftit tal-ħin wara.
Ir-rapporti qalu li qabel l-inċident, il-pulizija kienu avviċinaw lil Floyd li kien fil-vettura tiegħu u waqt li kienu qed jinvestigaw rapport li r-raġel kien qed imexxi l-flus foloz. Il-pulizija qalu li r-raġel kien ġie mitlub biex joħroġ mill-karozza u li hu ‘irreżista lill-uffiċjali fuq il-post’ qabel huma rnexxielhom jimmanettjawh.
Il-filmat li nġibed fuq il-post ma jurix kif beda l-konfront iżda jidher bi prominenza l-pulizija partikulari li kien qed iżomm lil Floyd mal-art, b’irkopptu tagħfas fuq l-għonq ‘tal-vittma’.
Wara l-inċident, erba’ pulizija tkeċċew minn mal-korp, bis-Sindku ta’ Minneapolis, Jacob Frey, jgħid li ‘il-fatt li persuna jkollha karnaġġjon iswed mgħandux ifisser sentenza tal-mewt għall-individwu konċernat’. Frey insista li ‘it-tkeċċija tal-pulizija kienet l-uniku pass xieraq fiċ-ċirkustanzi’.
Intant, folol kbar ta’ nies, fl-aħħar sigħat, marru fiz-zona tal-inċident u fejn l-organizzaturi pruvaw iżommu l-kwiet waqt il-protesta. Id-dimostranti, għal ħinijiet twal, bdew jgħajjtu li ‘ma jistgħux jieħdu n-nifs’ u li ‘setgħu kienu huma li ġralhom bħal George Floyd’ b’solidarjetà mal-vittma.
Il-folol, imbagħad marru fl-inħawi tal-għassa fejn ħasbu li kienu qed jaħdmu l-pulizija involuti fil-mewt tar-raġel iswed u ħabtu għall-vetturi tal-pulizija – bi gruppi oħrajn igaraw il-ġebel lejn l-għassa. Il-pulizija rreaġew bl-isparar tal-gass u ġettijiet tar-ragħwa u f’ħinijiet, użaw il-flash grenades biex irażżnu l-furja tan-nies
L-Aġenti tal-FBI qegħdin jinvestigaw l-inċident ta’ George Floyd u għandhom jippreżentaw rapport lill-Avukat tal-Istat għal Minnesota, bil-potenzjal li, ‘il quddiem, jitressqu akkużi federali fil-konfront ta’ xi persuni involuti fil-każ.
//= $special ?>