Tliet għasafar tal-passa tar-rebbiegħa li twaħħlitilhom satellite tag f’Mejju xhieda ta’ dak li jgħaddu minnu dawn l-għasafar vulnerabbli
BirdLife Malta rnexxielha twettaq satellite-tagging ta’ tliet Gamimiet grazzi ghal riċerka kontinwa li għaddejja taħt is-superviżjoni tal-Justus Liebig University of Giessen fil-Ġermanja.
Dawn l-isforzi żdiedu mal-vjaġġi li jagħmel Francesco, il-Gamiema Taljana li għadu jittrażmetti sal-lum il-ġurnata wara li twaħlitlu satellite tag lura f’April tal-2017. L-għan ta’ din ir-riċerka hija li ssegwi l-movimenti tal-passa tal-Gamiem madwar il-kontinent Afrikan u Ewropew, bir-riċerka li tieħu ħafna xogħol u dedikazzjoni minn bosta.
Il-Gamiem jitwaħħlulhom satellite tags li jiżnu biss 5 grammi u li jieħdu l-enerġija tagħhom mix-xemx. Dawn jitwaħħlu bħal backpack fuq l-għasfur – u fuq numru ta’ ġraneu jiġu tittrażmetti permezz tal-GPS fejn ikun jinsab l-għasfur. Dan isir permezz ta’ satelliti f’orbita mad-dinja u jiġu trażmessi b’mod intermittenti ġurnata iva u ġurnata le.
Din ir-riċerka tiftaħ bieb ukoll sabiex l-esperti jsolvu diversi misteri b’rabta mal-gamiema fosthom ir-raġuni għalfejn fl-aħħar sittax-il sena huwa maħsub li sfortunatament l-popolazzjoni tagħhom fl-Ewropa naqset bi kważi 50%. Riċerka li turi wkoll fejn jistrieħu l-gamiem waqt il-passa u x’ostakli jsibu ma’ wiċċhom; mid-Deżert tas-Saħara sal-Alpi.
Minn aspett lokali BirdLife Malta spjegat li din ir-riċerka tgħinna nifhmu kif il-kundizzjonijiet tat-temp jeffettwaw il-passa tal-Gamiem, kemm hi puntwali l-wasla tagħhom f’Malta, sena wara sena, u fuq kollox – anke bl-għajnuna tal-istudji li jsiru permezz tal-bird ringing – minn fejn joriġinaw għasafar li jgħaddu minn Malta, jekk jerġgħux jgħaddu minn fuq Malta fi triqithom lura waqt il-passa tal-ħarifa, u anke fejn fl-Afrika jieqfu għax-xitwa. Informazzjoni miġbura sal-lum mill-istudji tar-ringing permezz tan-netwerk xjentifiku rikonoxxut EURING, tattribwixxi l-oriġini tal-Gamiem li jpassi minn Malta lill-Italja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Ġermanja, il-Polonja, Franza, il-Kroazja u l-Awstrija bi status li jvarja fost dawn il-popolazzjonijiet fl-Ewropa.
Minħabba li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena reġa’ ħabat mal-aqwa tal-passa tal-Gamiem, u minħabba l-ammont ta’ kaċċa illegali għall-Gamiem li kellna f’April, l-għasafar apposta ma ġewx satellite-tagged matul il-perjodu meta tilħaq il-qofol tagħha l-passa tal-Gamiem, sabiex ikun evitat li jintilfu.
Għaldaqstant tliet għasafar, li ngħataw l-ismijiet Marija, Hope u Virginijus ġew tagged fl-1, l-4 u l-5 ta’ Mejju wara li ntiżnu, twaħħlilhom ċurkett u tlibbsitilhom is-satellite tag mill-bird ringers liċenzjati tal-BirdLife Malta Ringing Scheme Nicholas Galea u Martin Austad.
Gamiema allegatament tinqatel f’kaċċa illegali – oħra tispiċċa Sqallija
Ftit wara li nħelsu, ir-ringers tagħna bdew jirċievu l-pożizzjonijiet tagħhom bil-GPS kull ftit ħin u kienu ħerqana biex jaraw l-għasafar drawx l-apparat il-ġdid u kemm kienu se jdumu biex iħallu l-Gżejjer Maltin, u liema direzzjoni kienu se jaqbdu. Illum qed nippubblikaw dan il-video li jiddokumenta l-proċess kollu tas-satellite-tagging u l-mument meta nħelsu. Marija, li kienet tagged fl-1 ta’ Mejju, qasmet lejn Għawdex u qattgħet il-lejl fin-naħa ta’ fuq tal-gżira. L-aħħar pożizzjoni tagħha kienet irreġistrata filgħodu fit-2 ta’ Mejju ftit qabel is-7am.
Wara dak il-punt, ma baqgħetx tittrażmetti. Minħabba r-rapporti ta’ kaċċa illegali li rċivejna minn Għawdex fl-istess jum, wisq nibżgħu li Marija inqatlet illegalment f’Għawdex qabel setgħet tkompli bil-vjaġġ tagħha. Dan ifisser li l-pajjiż tal-oriġini ta’ din il-Gamiema se jibqa’ mhux magħruf. Bit-tama li l-Gamiema li kien imiss ma tiffaċċjax l-istess destin u jirnexxilha tkompli tpassi, Hope ġiet ringed u tagged fl-4 ta’ Mejju.
Il-Gamiema mara baqgħet fuq Kemmuna u qattgħet il-lejl tistrieħ hemmhekk qabel ma telqet fiddirezzjoni tat-Tramuntana lejn Għawdex possibbilment matul il-ġurnata tal-5 ta’ Mejju. Wara, ħalliet il-Grigal ta’ Għawdex fid-direzzjoni tat-Tramuntana, kompliet bil-vjaġġ matul il-lejl u waslet mal-kosta tax-Xlokk ta’ Sqallija l-għada filgħodu. Kuntrarju għal dak li konna qed nistennew,
Virginjus ibejjet qrib il-kosta tal-Umbria
Hope baqgħet bejn wieħed u ieħor fil-Lvant ta’ Sqallija, qrib il-belt ta’ Agrigento fejn jidher li se tqatta’ listaġun tal-bejta. L-għada kien imiss lill-aħħar Gamiema, raġel, li ssemmiet għall-Kummissarju Ewropew attwali għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevičius.
Wara li twaħħlitlu s-satellite tag, Virginijus qatta’ l-ġurnata fuq Kemmuna u mbagħad kompla jpassi matul il-lejl lejn Sqallija fejn wasal fi ftit sigħat! Sinjali trażmessi mis-satellita matul il-lejl bejn il-5 u s-6 ta’ Mejju kienu juru li Virginijus kien nofs triq f’baħar miftuħ bejn Malta u Sqallija, sakemm wasal fl-inħawi ta’ Marina di Ragusa fi Sqallija ftit qabel nofsillejl – vjaġġ ta’ xejn inqas minn 85km fuq ilbaħar li għamlu fi ftit sigħat. Virginijus qasam iċ-ċentru ta’ Sqallija sakemm wasal mal-kosta tat-Tramuntana qrib Cefalù, imbagħad kompla fid-direzzjoni tal-Lvant lejn Palermo.
Kif għamel qabel, reġa’ għażel il-lejl biex jaqsam il-baħar u qasam il-Baħar Tirren sakemm wasal mal-kosta tal-Lazio fin-Nofsinhar ta’ Ruma. Minn hemm, Virginijus baqa’ tiela’ ’l fuq tul il-kosta tal-Umbria sakemm wasal f’foresta fit-Tramuntana ta’ Punta Ala mal-kosta tal-Mediterran fid-9 ta’ Mejju. Jidher li minn dakinhar Virginijus issetilja biex ibejjet.
Dan juri li bħal Hope huwa wkoll Gamiema Taljana li użat lil Malta bħala post ta’ mistrieħ bejn lItalja u l-Afrika.
Nicholas Barbara, Head of Conservation ta’ BirdLife Malta, ikkummenta: “Xogħol bħal dan, li nistgħu nagħmluh grazzi għall-għajnuna tal-imsieħba tagħna u bissaħħa tad-dedikazzjoni tal-bird ringers tagħna, qed ipoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tar-riċerka bl-iskop li tassisti fl-irkupru ta’ din l-ispeċi Ewropea li qed tonqos.
Dan jikkuntrasta bil-qawwi mal-persekuzzjoni li ssofri din l-ispeċi lokalment riżultat ta’ derogi mħaddma b’mod skorrett fir-rebbiegħa li prattikament jippermettu l-kaċċa illegali għal dan l-għasfur. B’xorti ħażina minkejja li evitajna l-istaġun tal-kaċċa, xorta tlifna waħda mit-tliet Gamimiet kaġun tal-kaċċa illegali f’Għawdex – dan tappan xi ftit ir-riżultati ta’ din irriċerka u huwa xhieda tar-realtà li għadhom jiffaċċjaw dawn l-għasafar tul ilvjaġġ tagħhom tal-passa minn pajjiż għal ieħor.
Minkejja f’dan, il-fatt li Hope u Virginijus waslu f’postijiet bla perikli fl-Umbria u fi Sqallija, BirdLife saħqu, “jagħtina ħafna tama għas-sopravivenza ta’ din l-ispeċi”.
Kif inhu mistenni mill-Gamiem għall-ġimgħat li ġejjin, il-vjaġġ tagħhom tal-passa għalissa jasal fi tmiemu hekk kif jieqfu biex ibejtu u jrabbu ġenerazzjoni oħra. Kif jasal tmiem Awwissu, kemm Hope, Virginijus kif ukoll Francesco – li llum huwa kkonfermat bħala ‘resident’ tar-reġjun tal-Campania fl-Italja – għal darba oħra jaqsmu ċ-ċentru tal-Mediterran fi triqithom lejn il-parti tal-Afrika ’l isfel misSaħara.” Inti tista’ ssegwi l-movimenti tagħhom online b’mod dirett fuq din il-mappa żviluppata min-NABU.
//= $special ?>