Futbol Sport

TMIEN SNIN ILU: Hibernians jiddominaw u jirbħu l-FA Trophy għad-disa’ darba

(Ritratt: In-Nazzjon)

27 TA’ MEJJU 2012

Hibernians rebħu l-FA Trophy għad-disa’ darba fl-istorja tagħhom. Huma għelbu lil Qormi 3-1 fil-finali f’logħba li ddominaw għal ħinijiet twal. Dan kien it-tielet konfront bejniethom fl-istaġun, b’Hibernians jirbħu ż-żewġ konfronti 2-0 u 4-0.

Qabel bdiet il-logħba kien hemm ċerimonja u fosthom Leli Fabri u Gużi Xuereb, eks plejers ta’ Qormi u Hibernians rispettivament, ħarġu t-trofew fil-pitch. Segwew il-bnadar ta’ kull tim li rebaħ il-kompetizzjoni u tkanta l-Innu Malti.

Leli Fabri u Gużi Xuereb (Ritratt: In-Nazzjon)

Il-Pawlisti marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta ngħataw penalty wara li Edison Luis dos Santos twaqqa’ fil-kaxxa, b’CLAYTON FAILLA skorja mill-11-il metru. Hibernians irduppjaw fit-43 minuta b’azzjoni ta’ Edward Herrera lejn JACKSON LIMA li b’xutt angolat sab ir-rokna tax-xibka.

Il-partita kienet deċiża tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Reġa’ kien JACKSON LIMA li b’xutt ieħor mid-distanza reġa’ għeleb lil Matthew Farrugia. Qormi naqqsu d-distakk fl-94 minuta permezz ta’ JOSEPH FARRUGIA. Wara l-logħba, il-captain ta’ Hibernians Mario Muscat ġie ppreżentat bit-trofew.

(Ritratt: In-Nazzjon)
(Ritratt: In-Nazzjon)
(Ritratt: In-Nazzjon)