Internazzjonali

Twitter twissi dwar messaġġi ta’ Trump

Għall-ewwel darba, Twitter poġġa twissija fuq tweets tal-President Amerikan Donald Trump.

It-Tlieta, il-pjattaforma soċjali mmarkat żewġ tweets ta’ Trump bħala ‘possibilment qarrieqa’.

It-Tweets tal-President Amerikan kienu dwar voti bil-posta u l-messaġġi ta’ Trump kienu qed jgħidu li dan il-metodu ta’ votazzjoni se jwassal għal irregolaritajiet kbar fil-proċess elettorali.

Twitter poġġa punt ta’ esklamazzjoni blu (!) taħt it-tweets ta’ Trump u messaġġ li jgħid “Fittex il-fatti dwar il-voti bil-posta”, b’link li jieħdok f’paġna rregolata mill-istess pjattaforma u b’artikli li jikkontradixxu dak li qal Trump.

Twitter qalu li dak li għamlu kellu l-għan li jwasslu l-fatti dwar dak li kiteb Trump. Madankollu din il-mossa mistennija toħloq kontroversja dwar il-fatt li Twitter ma kienux konsistenti fl-aġir tagħhom fuq tweets oħra ta’ Trump fil-passat, li ħafna kienu ddeskrivew bħala qarrierqa.