Futbol Sport

37 SENA ILU: L-ewwel doppjetta fl-istorja ta’ Ħamrun Spartans

28 TA’ MEJJU 1983

Għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, Ħamrun Spartans rebħu l-FA Trophy iżda wkoll irnexxielhom jiksbu l-ewwel doppjetta. Fil-finali għelbu lil Valletta 2-0 b’mod meritat. Taħt sigurtà stretta, il-finali ma kelliex inċidenti, bil-partitarji taż-żewġ naħat żammew l-ordni biex il-folla numeruża f’Ta’ Qali setgħet tgawdi l-logħba.

Ħamrun Spartans fetħu l-logħba b’ritmu veloċi u xeħtu kollox fuq l-attakk. Wara tliet minuti, Michael Degiorgio ħa vantaġġ minn żball difensiv u tefa’ kross fil-baxx u x-xutt ta’ Ray Xuereb kien imblokkat f’korner. Mill-istess korner, John Linacre niżżel bir-ras lejn LEO REFALO li waħdu ma kellux diffikultà jsib ix-xibka. Żewġ minuti wara, Refalo kellu okkażjoni oħra iżda laqat il-ballun ħażin fuq kross ta’ Degiorgio. Valletta bdew jidħlu fil-logħob iżda kien biss fit-43 minuta li ħolqu azzjoni perikoluża b’xutt ta’ Nardu Farrugia jkun imblukkat f’korner minn Ġiġi Salerno.

It-tieni gowl Ħamruniż wasal fit-63 minuta. Linacre ġera tajjeb mal-linja u wara li rċieva mingħand Alex Azzopardi, tefa’ kross lejn Xuereb. Il-ballun għadda lejn Leo Refalo li mill-ġdid qassam lejn RAY XUEREB li b’xutt li ħabat ma’ wiċċ Spiteri, għeleb lil Grima għat-tieni darba. It-tisfira finali ġabet kif mistenni ferħ kbir mill-partitarji Ħamruniżi, bil-captain Edwin Farrugia jirċievi t-trofew mingħand il-President tal-MFA George Abela.