Coronavirus Lokali

4 każi ġodda; 10 persuni ġew imfejqa

Għalkemm fl-aħħar 24 siegħa nstabu 4 każi ġodda ta’ Coronavirus f’pajjizna, il-każijiet attivi komplew jonqsu. Dan wara li sar magħruf illi għaxra oħra ħelsu mill-Covid-19.

Issa huma b’kollox 501 il-persuni li fiequ. Preżentament, għandna 108 każi attivi.

S’issa din il-ġimgħa kellna 16-il każ pożittiv ġdid, bl-ammont totali jitla’ għal 616, li minnhom sfortunatament tilfu ħajjithom sebgħa, fosthom fatalità waħda li kellna tul din il-ġimgħa; l-anzjan ta’ 97 sena li miet fl-isptar Karin Grech.

Imqabbla mal-ġimgħa li għaddiet, din il-ġimgħa s’issa qed tkun deskritta bħala waħda aktar pożittiva fejn in-numri qed jiġu kkontrollati. Il-ġimgħa li għaddiet kellna xejn anqas minn 68 każ ġdid ta’ Coronavirus.

Minkejja li f’dawn l-aħħar jiem in-numri ta’ każi pożittivi kien pjuttost baxx, l-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu jappellaw lill-pubbliku jsegwi l-miżuri imposti biex jitwaqqaf it-tixrid ta’ dan il-virus qerriedi. L-appell jibqa’ biex nevitaw ir-rassa, fost l-oħrajn fuq il-bajjiet u f’postijiet pubbliċi

Intant, jidher illi fl-aħħar jiem twaqqaf l-iscreeing li kien qed isir ghal dawk kollha li jaqsmu bejn Malta u Għawdex bil-Gozo Channel. Il-Ministeru għal Għawdex ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar din id-deċiżjoni.

Sinifikanti l-fatt li l-awtoritajiet baqghu m’għaddewx kopji tar-risk assessments li fuqhom qed jittieħdu d-deċizjonijiet marbuta mal-pjan li bih qed jittaffew il-miżuri restrittivi. Minkejja t-talba ta’ Net News, dawn l-istudji xjentifiċi għadhom mhux pubbliċi.