28 TA’ MEJJU 1980
Nottingham Forest komplew id-dominju Ingliż fit-Tazza taċ-Champions meta rebħu l-kompetizzjoni għat-tieni staġun konsekuttiv filwaqt li din kienet ir-raba’ sena li tim Ingliż ħareġ rebbieħ. Fil-finali li ntlagħbet f’Estadio Santiago Bernabeu huma għelbu lil Hamburg 1-0. It-tim Ġermaniż tefa’ pressjoni fuq id-difiża ta’ Forest iżda l-gowlkiper Peter Shilton kien f’vena tajba.
L-Ingliżi skorjaw il-gowl deċiżiv kontra x-xejra tal-logħba fil-21 minuta. Kien JOHN ROBERTSON li għeleb lill-gowlkiper ta’ Hamburg Rudolf Kargus b’xutt preċiż għar-rokna. Hamburg bdew jiddominaw territorjalment iżda Nottingham Forest bdew jiddefendu b’kalma. Reimann seta’ ġab id-draw tliet minuti wara iżda Shilton salva tajjeb. Fit-tieni taqsima, Hamburg laqtu l-lasta permezz ta’ Manfred Kaltz u x-xutt ta’ Peter Nogly ġie mdawwar f’korner bi bravura minn Shilton. Wara l-logħba ġie ppreżentat it-trofew lill-captain ta’ Nottingham Forest John McGovern.
//= $special ?>