Uffiċjali tal-Gvern Afgan qed jinsistu li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-militanti tat-Taliban għadu jżomm, minkejja li fl-aħħar sigħat żbruffaw numru ta’ konfronti vjolenti bejn il-militanti Iżlamiċi u l-qawwiet tas-sigurtà lokali.
L-aħħar ġlied issokta fil-jum proprju meta skada l-ftehim inkwistjoni li kien effettiv għal tlett ijiem — iżda l-kelliema għall-Gvern baqgħu jinsistu li il-konsegwenzi kienu ‘relattivament żgħar’.
Fl-aħħar battalji, it-Talibani attakkaw checkpoints fid-distrett ta’ Syagird, fil-provinċja ta’ Parwan u li fejn spiċċaw tilfu ħajjithom xi membri tas-sigurtà Afgani.
It-Taliban baqa’ ma ikkommettiex ruħu għall-appelli tal-Gvern Afgan biex jaqbel dwar estensjoni tal-perjodu mingħajr ġlied. Il-ftehim oriġinali kien tħabbar għall-vaganza ta’ Eid al-Fitr li tikkonkludi x-xahar tas-sawm tar-Ramadan, li hu wieħed qaddis għall-Musulmani.
Madankollu, kelliema għat-Taliban qalu li l-Gvern Afgan wettaq numru ta’ attakki mill-ajru fil-provinċja ta’ Zabul ‘minkejja li l-ġellieda tal-grupp Iżlamiku ma kien involut fl-ebda azzjonijiet vjolenti’.
L-Istati Uniti laħqet ftehim mat-Taliban li jesiġi l-irtirar tal-qawwiet Amerikani mill-Afganistan wara aktar minn tmintax-il sena ta’ kumbattimenti.
Dan il-pass suppost li jippermetti biex il-Gvern Afgan jinnegozja ftehim għall-paċi mal-militanti Iżlamiċi, bil-għan li tispiċċa l-gwerra fil-pajjiż. Iżda l-aħħar indikazzjonijiet huma li l-konflitt ‘għadu ‘il bogħod milli jiġi dikjarat konkluż’.
//= $special ?>