Lokali

AĠĠORNATA: Titlef ħajjitha Michelle Curmi

Kmieni l-Ħamis filgħodu ħarġet l-aħbar li t-tfajla ta’ 32 sena li kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Ħaż Żebbuġ fis-17 ta’ Mejju tilfet ħajjitha wara aktar min 10 t’ijiem tissielet bejn ħajja u mewt.

Michelle Curmi, mill-Imtarfa tilfet ħajjitha fl-Isptar Mater Dei.

Hi kienet passiggiera fuq mutur tat-tip Harley Davidson li kien misjuq minn raġel ta’ 40 sena residenti r-Rabat.

Kienu ħafna dawk li sellmu l-memorja ta’ Michelle fuq il-media soċjali, fosthom waħda mill-ikbar ħbieb tagħha li ħarset lura lejn bosta memorji sbieħ li kellhom flimkien. Hi stqarret li ħajjitha mhux se tkun l-istess mingħajr Michelle.

L-inċident tas-17 ta’ Mejju;

Mara ta’ 32 sena u raġel ta’ 40 sena kellhom jittieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku f’Ħaż Żebbuġ.

Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar, li l-Pulizija ġiet infurmata li seħħet ħabta fi Triq l-Imdina, Ħaż Żebbuġ u hemm xi persuni feruti. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li seħħet kollużjoni bejn vettura tat-tip Toyota Porte misjuqa minn raġel ta’ 49 sena residenti Ħaż Żabbar u mutur tat-tip Harley Davidson misjuq mir-raġel ta’ 40 sena residenti r-Rabat.

Is-sewwieq tal-mutur, kellu passiġġiera, il-mara ta’ 32 sena residenti l-Imtarfa. Kemm ix-xufier kif ukoll il-passiġġiera tal-mutur ittieħdu l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.

Aktar tard, il-Pulizija ġiet infurmata li l-mara ġiet iċċertifkata li qed issofri minn ġrieħi serji, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġie infurmat il-Magistrat tal-Għassa Martin Farrugia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.