L-awtoritajiet f’Ċipru wiegħdu biex jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-btajjel ( inklużi għall-akkommodazzjoni, ikel u mediċina) għal kulmin jittestja pożittiv għall-Covid-19 wara li dawn ikunu vjaġġaw lejn il-Gżira-Stat. Dan hu parti minn pakkett ta’ miżuri u inċentivi għall-istimolu tat-turiżmu lejn Ċipru, fejn ftit kienu rappurttati każi tal-Covid-19.
Fl-Ingilterra u l-Iskozja qed tkun implimentata sistema ta’ ‘track and trace’ għall-pazjenti waqt li s-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, jemmen li ‘il-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini, f’każ li jiġu mitluba, ikunu lesti biex jgħixu f’sitwazzjoni ta’ iżolament’. L-Iskozja, minn għada, se tnaqqas ir-restrizzjonijiet tas-sigurtà biex in-nies ikunu jistgħu jiltaqgħu, fuq barra, ma’ ‘persuni ta’ familji oħrajn’.
Żvilupp inkwetanti ieħor huma l-aħħar indikazzjonijiet mill-UN World Tourism Organization (UNWTO). Dan meta t-turiżmu internazzjonali mistenni jaqa’ b’70 fil-mija din is-sena u li għandha tkun ‘l-akbar daqqa ‘l isfel għas-settur mis-snin ħamsin ‘il hawn’.
Fi Franza, kważi 850,000 spiċċaw mingħajr xogħol matul ix-xahar ta’ April minħabba l-effetti tal-Covid-19. Iċ-ċifra tellgħet it-total tal-qiegħda fil-pajjiż għal aktar minn 4.5 miljun li hu l-ogħla mindu bdew jinżammu r-rekords, fl-1996. Intant, il-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe mistenni jħabbar il-fażi li jmiss għat-tnaqqis tal-lockdown madwar pajjiżu.
Mara ta’ 111-il sena li jisimha Juana Zuniga saret l-aktar pazjenta anzjana fiċ-Ċile li rnexxielha tirkupra mill-Covid-19. Zuniga kienet testjat pożittiv wara li feġġet epidemija tal-marda fir-residenza għall-anzjani fejn hi qed tgħix u li tinsab viċin ta’ Santiago.
L-imwiet mill-Covid-19 fir-Russja, issa, qabżu l-4,000, bil-każi kkonfermati tal-infezzjoni fil-pajjiż jaqbżu t-380,000 – li hi t-tieni l-ogħla ċifra fid-dinja. Diversi sorsi jemmnu li l-vittmi tal-Covid-19 fir-Russja jistgħu jkunu ħafna ogħla minn dak li qed jgħidu l-awtoritajiet Russi — fost rapporti li r-rata tal-infezzjonijiet hi ‘tassew katastrofika’ fid-djar lokali għall-anzjani u persuni oħra bi bżonnijiet speċjali.
//= $special ?>