Lokali

Edward Scicluna jqabbel il-fondi tal-UE mal-bajtar tax-xewk

Wara l-aħbar pożittiva li Malta se tkun qed tieħu biljun ewro mill-UE biex tittaffa d-daqqa ekonomika tal-Covid-19 fuq pajjiżna, qed jispikka element ta’ xettiċiżmu minn esponenti tal-Partit Laburista.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, minflok feraħ b’din l-għajnuna kbira għall-familji u għan-negozji, esprima dubji dwar il-fondi allokati.

“Hija qisha frotta tajba, bħal bajtra tax-xewk għal pajjiżna, iridu nkunu attenti”

Dan ix-xettiċiżmu ntwera waqt seduta Parlamentari hekk kif Scicluna kien qiegħed iwieġeb għal numru ta’ domandi suplimentari.

L-istess dubji kienu espressi mill-Ministru Silvio Schembri, hekk kif naqas milli jwieġeb domandi ta’ Net News dwar kif se jkunu qed jintużaw dawn il-fondi u kif se jitqassmu għall-benefiċċju tas-setturi milquta.

“S’issa għad m’hemm xejn maqbul, imma sempliċiment proposta fuqha”

Fl-aħħar ġimgħat, saret ħidma importanti mill-MEPs tal-PN fil-Partit Popolari Ewropew biex l-UE tati injezzjoni ta’ €350 miljun f’fondi diretti bħala grants.

Is-sorsi tagħna minn Brussell ikkonfermaw li ma dawn il-flus, iridu jiżdiedu €640 miljun f’self.

B’kollox, l-UE se tkun qed toħroġ €750 biljun. U issa jonqos biss l-approvazzjoni tal-Mexxejja tas-27 pajjiż membru.