Gala Dinner organizzata f’Għawdex is-sena l-oħra fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Turiżmu – allura meta Konrad Mizzi kien għadu jokkupa l-kariga ta’ Ministru tat-Turiżmu – swiet aktar minn €35,000.
Din il-Gala Dinner saret f’Villa Rundle fir-Rabat, Għawdex u ma nħarġu l-ebda sejħiet għall-offerti u l-ispejjeż preċiżi biex setgħet ittgħellet huma ta’ €36,152.37… esklużi l-ispejjeż ta’ VAT.
Nifhmu li għal din il-Gala Dinner kienu mistiedna ċirka tmenin persuna.
Il-mistoqsijiet dwar din l-attivitàli tqajmu fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex, li meta kuntattjat minn In-Nazzjon qal li fil-Parlament hu staqsa lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, kemm ġiet tiswa l-attività ta’ Gala Dinner fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Turiżmu.
Staqsih ukoll jistax jgħid x’tip ta’ offerti jew kwotazzjonijiet inħarġu rigward din l-attività, min organizza din l-attività, kemm tħallsu u fejn kienet organizzata din il-Gala Dinner.
Il-Ministru Clint Camilleri wieġeb li din il-Gala Dinner ġiet tiswa s-somma ta’ €36,152.37… eskluża l-VAT.
Is-servizzi marbutin ma’ din l-attività kienu ngaġġati permezz ta’ direct order. L-attività saret f’Villa Rundle u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda spejjeż relatati mal-kera tal-post.
Dawn id-dettalji dwar din l-attività jissoktaw itawlu s-sensiela ta’ ikliet, parties u festini organizzati mill-Gvern Laburista bi tberbieq ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Dan minbarra l-infieq bl-addoċċ f’safar minn Ministri u Membri Parlamentari Laburisti flimkien ma’ ċerti rjus fiċ-Ċivil bl-iskuża tax-xogħol.
Bla dubju ta’ xejn li f’dan il-każ l-Għawdxin aktar mill-Maltin jibqgħu xxukkjati bit-tberbieq tal-flus mill-Gvern u l-entitajiet tiegħu hekk kif imbagħad, illum, is-sitwazzjoni ekonomika f’Għawdex qed tħasseb lil ħafna Għawdxin, anki minħabba li qed ikompli jgħolli r-rasu l-qgħad f’Għawdex.
Jirriżulta fil-fatt li din is-sena, bejn Jannar u April, iċ-ċifri tal-qgħad kompla jiżdied minn xahar għal xahar.
Jirriżulta li f’Jannar kien hemm 174 jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex u din iċ-ċiffra telgħet għal 306 f’April li għadda.
Sadattant l-Għawdxin li kienu qed jaħdmu fil-Community Work Scheme Enterprise (CWSEF) minn 265 f’Jannar li għadda żdiedu għal 302 f’April li għadda.
Dawn id-dettalji wkoll ħarġu mill-Parlament mill-Ministru Owen Bonnici li wieġeb Mistoqsija Parlamentari tax-Shadow Minister Chris Said li staqsa dwar il-qagħda tal-impjiegi bħalissa f’Għawdex.
//= $special ?>