Il-Parlament taċ-Ċina appoġġja liġi ġdida dwar is-sigurtà għal Hong Kong li tesiġi biex jeħel b’reat kulmin jipprova jtellef l-awtorità tar-reġim komunista ( ta’ Beijing) fit-territorju semi-awtonomu. Il-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, li kien qed jiltaqa’ f’Beijing, appoġġja r-riżoluzzjoni għall-abbozz speċifiku b’2,878 vot favur, wieħed kontra u sitt astensjonijiet.
L-abbozz kontroversjali, li issa qed jgħaddi għal quddiem it-Tmexxija Ewlenija taċ-Ċina, qanqal preokkupazzjoni kbira , u mhux ftit tar-rabja, fost ir-residenti f’Hong Kong li jemmnu li ċ-Ċina qed tieħu l-miżuri effettivi biex ittemm l-istatus uniku ta’ Hong Kong. Madankollu, Beijing insista li l-abbozz għandu jsostni u jtejjeb ‘il-politika ta’ pajjiż wieħed b’żewġ sistemi’.
L-istatus ta’ awtonomija jiggarantixxi ammont ta’ libertà għal Hong Kong li ilha tkun prattikata mindu t-territorju spiċċa minn kolonja tar-Renju Unit, fl-1997, u għadda lura taħt il-kontroll taċ-Ċina.
Fattur partikularment inkwetanti għan-nies ta’ Hong Kong hu li ċ-Ċina, għall-ewwel darba, tista’ tistazzjona l-aġenziji tas-sigurtà (komunisti) tagħha fir-reġjun semi-awtonomu.
Intant, il-pjan ta’ Beijing qed jixpruna inkwiet ġdid f’Hong Kong, fejn numru ta’ distretti, din il-ġimgħa, spiċċaw ċentru għal numru ta’ dimostrazzjonijiet vjolenti. Dan waqt li l-Parlament fit-territorju kien qed jiddibatti liġi differenti — f’dan il-każ biex kulmin jinqabad jiddisrispetta l-innu nazzjonali taċ-Ċina jispiċċa suġġett għall-akkużi kriminali.
Ir-residenti f’Hong Kong huma wkoll urtati għal din il-liġi u t-tensjoni – flimkien mal-ħarsien tas-sigurtà – għadhom f’livell għoli. Dan fost dibattitu jaħraq li baqa’ għaddej fil-Kunsill Leġislattiv tat-territorju fejn talanqas żewġ deputati favur id-demokrazija spiċċaw sfurzati ‘il barra mill-kamra.
Għadu mhux ċar għal kollox x’tip ta’ aġir, ‘il quddiem, għandu jirrikjedi reazzjoni ‘mill-qawwiet għaż-żamma tal-liġi’ f’Hong Kong. Madankollu ftit hemm dubju li l-liġi kontroversjali dwar is-sigurtà għat-territorju semi-awtonomu se tkun qed tiġi applikata qabel Seettembru.
Ftit qabel l-abbozz inkwistjoni għadda mill-Parlament ta’ Beijing, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li l-iżviluppi f’Hong Kong ifissru li t-territorju ma jistax ikun ikkunsidrat aktar bħala ‘zona li tgawdi livell għoli ta’ awtonomija miċ-Ċina.’
Il-messaġġ ifisser li, skont il-liġi tal-Amerikani, Hong Kong ‘ma ħaqqux aktar’ li jkun ittrattat b’mod differenti mill-kumplament taċ-Ċina. Fl-istess ħin, id-dikjarazzjoni ta’ Pompeo jista’ ikollha implikazzjonijiet kbar għall-istatus ta’ Hong Kong bħala hub kummerċjali, bil-kliem tas-Segretarju Amerikan iqanqal reazzjoni rabbjuża mill-awtoritajiet Ċiniżi f’dak it-territorju.
L-Uffiċċju tal-Ministeru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin f’Hong Kong qed ‘jirrifjuta bis-sħiħ’ l-istqarrija ta’ Pompeo u ħeġġeġ biex l-Istati Uniti ‘tieqaf milli tindaħal fl-affarijiet taċ-Ċina’. Intant, l-Uffiċċju sostna li l-kritika tal-Istati Uniti dwar il-liġi ġdida għal Hong Kong ‘hi tal-mistħija filwaqt li ma tibbażax fuq xi raġuni valida’.
//= $special ?>