Futbol Sport

Il-Youth FA tiddeċiedi dwar il-kampjonati filwaqt li tpoġġi l-iżvilupp tal-plejer fiċ-ċentru

F’komunikat mibgħut lin-nurseries, il-Youth FA ħabbret id-deċiżjoni finali b’rabta mal-kampjonati ta’ taħt il-15 u s-17-il sena. L-istaġun li ġie fi tmiemu fit-8 ta’ Marzu li għadda minħabba l-Covid-19, mhux se jkollu rebbieħ fl-ebda sezzjoni u mhux se jingħataw l-unuri tal-Aktar Plejer Promettenti u tal-Kondotta Tajba għal dan l-istaġun.

Il-Kunsill tal-YFA qal li f’okkażjoni fejn ikun hemm preżenti n-nurseries kollha, kull nursery se jingħata rikonoxximent għall-parteċipazzjoni u l-għaqda solidari f’dawn iż-żminijiet. Il-klassifika finali ta’ kull kompetizzjoni hi skont kif kienet fit-8 ta’ Marzu u se tintuża għall-fini tal-poloz għall-istaġun 2020/21.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara laqgħa tal-Kunsill tal-Youth FA u laqgħa virtwali mad-delegati u kowċis tan-nurseries. Imbagħad il-Kunsill tal-Youth FA ħa d-deċiżjoni finali fejn żamm quddiem għajnejh l-iżvilupp tal-plejer kif ukoll li jitwassal messaġġ edukattiv u solidari f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

It-tmexxija tal-YFA hi tal-fehma li bid-deċiżjoni toqrob lejn l-eventwalità realistika għall-istaġun li jmiss u fl-istess waqt tiġi rikonoxxuta l-ħidma tal-plejer u t-tim matul l-istaġun. Dan minbarra ħsibijiet li t-tmexxija taċ-Ċentru Tekniku taħt it-tmexxija ta’ Devis Mangia jista’ jkollha għall-istaġun li ġej.

Il-Kunsill wasal għad-deċiżjonijiet b’kuxjenza li l-plejers huma fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-filosofija tiegħu. Huma appellaw lin-nurseries biex f’dawn is-sitwazzjonijiet ineħħu l-element ta’ pika u dak li jaqbel lilhom, iżda jħarsu lejn il-ġid tas-sitwazzjoni.