Lokali

Inneħħu l-inċertezza biex is-settur turistiku jkun lest għan-normalità ġdida – PN

Tberbiq ta’ miljuni ta’ flus tal-poplu lil VistaJet li setgħu ntużaw f’għajnuna lit-turiżmu f’dan iż-żmien

“L-Oppożizzjoni qed tinsisti għal timeline ċar kif se jerġa’ jiftaħ is-settur tat-turiżmu li fil-preżent jinsab fil-għama, dan biex ikollna sitwazzjoni iżjed ċara u biex verament dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna jerġa’ jirritorna lejn normalita’ ġdida.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina.

Robert Arrigo qal li s-settur tat-turiżmu jolqot madwar 50% tas-setturi ekonomiċi kollha ta’ pajjiżna u għalhekk jeħtieġ li jkollna timeline ċar kif dan is-settur u dawk l-operaturi kollha li joffru servizzi anċillari u jiddependu mit-turiżmu se jkunu qegħdin joperaw. Huwa qal li Robert Abela ma jistax jagħmel konferenza tal-aħbarijiet u jippretendi li s-settur jkun lest fi żmien ftit ġranet iżda minflok jeħtieġ li tiġi stabbilita data minn qabel sabiex kulħadd ikun konfermi mal-liġijiet tas-saħħa pubblika, u dan għandu jiġi stabbilit fil-immedjat speċjalment meta pajjiżi oħra diġa’ huma ppreparati u qegħdin jerġgħu jiftħu t-turiżmu tagħhom.

Robert Arrigo qal li l-pajjiżi li l-Ministru għat-Turiżmu qed issemmi bħala safe corridors jammontaw għal 8% biss tat-turiżmu tas-sena li għaddiet u l-Gvern għandu jara jekk l-operturi kollha humiex ippreparati, xi protokolli se jintużaw għas-settur tat-turiżmu u għas-setturi l-oħrajn sussidjarji u jassigura li t-titjiriet jistgħu jsiru f’sigurta’. Huwa qal li l-Oppożizzjoni kienet proattiva u ppreżentat l-10 pilastri għall-‘Pjan għal Malta’ għall-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19 u t-turiżmu għandu jkun settur ewlieni. Fost il-policy pillars, l-Oppożizzjoni qed tenfasizza li:

  • Titnaqqas l-inċertezza billi jitħejja pjan skedat ta’ deċiżjonijiet li jsarrfu f’fiduċja mill-investituri.
  • Tingħata prijorità lin-nefqa pubblika għat-tkabbir tal-pilastri ekonomiċi u t-tisħiħ tal-infrastrutturatal-pajjiż.

Beppe Fenech Adami qal li filwaqt li s-settur tat-turiżmu għaddej minn din l-inċerezza l-Gvern kien berqaq flus tal-poplu fix-xejn f’kampanja ta’ reklamar li ma ġabet xejn lura għat-turiżmu. Huwa spjega li ma kull investigazzjoni li ssir mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, li tiegħu huwa chairman, joħorġu iżjed skandli ta’ tberbiq ta’ miljuni ta’ flus tal-poplu. L-aħħar skandlu huwa dak li ħareġ minn kuntratt imbuttat mill-Ministeru tat-Turiżmu li permezz tiegħu l-Awtorita’ tat-Turiżmu ħallset xejn anqas minn €4.5 miljun lill-kumpanija VistaJet suppost biex issir promozzjoni ta’ pajjiżna u din il-promozzjoni qatt ma saret.

Beppe Fenech Adami qal li llum jirriżulta illi abbażi ta’ kuntratt mimli żbalji mal kumpanija VistaJet l-Awtorita’ tat Turiżmu ħallset €1.5 miljun kull sena fis snin 2016, 2017 u 2018 u ta’ dan t-turiżmu Malti ma ħa xejn lura. Ħareġ illi l-ħlas kellu jsir abbażi ta’ ‘media u business plan għal kull sena’ u dawn għal sentejn minn tlieta ma sarux. Kellu jsir reklamar għal Malta fuq stazzjonijiet bħal Bloomberg u CNBC u dawn qatt ma saru, kellha ssir promozzjoni għal Malta fuq l-ajruplani tal-VistaJet u llum jirriżulta li għal kull darba li peruna waħda għafset il-buttuna biex tara reklam għal malta, spiccajna nħallsu €250. Jirriżulta li l-ħlas ta’ €1.5 miljun fis-sena sar bil-quddiem mingħajr verifiki, la meta sar il-ħlas u lanqas meta skadiet is-sena. Huwa qal li dan huwa każ ieħor ta’ abbuzz bi flus tal-poplu. Filwaqt li t-turiżmu għaddej minn problemi kbar b’mijiet qed jitilfu xogħolhom, il-Gvern letteralment rema’ €4.5 miljun ewro u l-pajjiż ma ħa xejn lura għal dan. Edward Zammit Lewis u Konrad mizzi għandhom iwieġbu għal dan l-iskandlu.

Karol Aquilina qal li l-mod kif il-Gvern jonfoq il-flus hija wkoll kwistjoni ta’ governanza tajba u dan meta huwa fdat bil-fondi pubbliċi biex jużahom għall-ġid komuni. F’dan il-mument żgur huwa essenzjali li l-Gvern juża l-fondi pubbliċi biex insalvaw n-negozju u l-industriji ta’ pajjiżna biex niżguraw l-postijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema. Huwa sahaq li huwa inaċċettabbli li dawk fdati bit-tmexxija ta’ entitajiet pubbliċi ma jkunux kapaċi jew saħansitra jirrifjutaw li jwieġbu dwar l-użu ta’ fondi pubbliċi u l-każ tal-VistaJet huwa eżempju ċar t’abbuż minn fondi pubbliċi li għalih irid iwieġeb u jġorr ir-responsabbilità l-Gvern Laburista. Għalhekk l-Oppożizjoni ressqet proposti biex jinqata’ l-abbuż ta’ fondi pubbliċi, u l-proposti lill-Kummissjoni Venezja jinkludu wkoll proposti kontra l-abbuż ta’ fondi pubbliċi:

  • Positions u/jew Persons of Trust jiġu ridotti għal erbgħa (4) f’kull Ministeru fis-Segretarjat Privat ta’ kull Ministru u Segretarju Parlamentari. Mill-2013 rajna kif il-Ministri Laburisti daħlu mijiet ta’ persuni jaħdmu mal-Gvern bħala Persons of Trust jew Positions of Trust.
  • Jinħatar Kummissarju kontra l-Korruzzjoni. Dan ikollu d-dritt li waħdu jibda proċeduri  fil-Qorti f’każijiet ta’ korruzzjoni u l-Pulizija jridu jobdu ordnijiet tiegħu. Jinħatar u jitneħħa b’żewġ terzi.
  • Biex jiġu evitati abbużi, malli jxolji l-Parlament, il-Gvern ma jkunx jista’ jdaħħal nies mal-Gvern, jagħti promozzjonijiet jew jagħti artijiet tal-Gvern jew jidħol f’kuntratti ta’ appalt u servizzi.

Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni lesta tikkometti l-appoġġ tagħha biex il-flus li l-Gvern qed jonfoq b’mod abbużiv jintuża direttament biex insaħħu n-negozji u l-industriji f’pajjiżna u noħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Dan nagħmluh bħala parti mill-patt soċjali ġdid li pajjiżna għandu bżonn f’dan iż-żmien.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Admi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina.