Formula 1 Sport

Ir-ritorn tal-Grand Prix tal-Olanda pospost għas-sena d-dieħla

(Ritratt: EPA)

Ir-ritorn tal-Grand Prix tal-Olanda se jkollu jistenna sena oħra wara li l-organizzaturi kkonfermaw li l-avveniment pospost mhux se jsir meta xi darba jibda l-istaġun tal-Formula 1. It-tellieqa fiċ-ċirkwit ta’ Zandvoort kienet skedata li ssir fit-3 ta’ Mejju iżda kienet ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Din kienet waħda mill-għaxar tlielaq li ġew posposti jew ikkanċellati.

L-organizzaturi kkonfermaw li minħabba li ma kienx possibbli li jospitaw il-Grand Prix mingħajr partitarji, ħadu d-deċiżjoni li dan l-avveniment importanti jkun rimandat. It-tellieqa kienet fil-kalendarju tal-Formula 1 għall-ewwel darba mill-1985.

Id-Direttur tat-tellieqa Jan Lammers saħaq li kienu u għadhom lesti biex jorganizzaw it-tellieqa iżda żied li jixtiequ jiċċelebraw ir-ritorn taċ-ċirkwit ta’ Zandvoort fil-Formula 1 flimkien mal-partitarji tagħhom fl-Olanda.

Il-Formula 1 qed tittama li tibda l-istaġun bil-Grand Prix tal-Awstrija fil-5 ta’ Lulju, l-ewwel tellieqa minn tnejn fiċ-ċirkwit ta’ Red Bull Ring. Rapporti qed jgħidu li l-Grand Prix tal-Ungerija tista’ sseħħ qabel iż-żewġ tlielaq fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone fir-Renju Unit. It-tlielaq ta’ Spanja, il-Belġju u l-Italja wkoll jinsabu b’ċans li jsiru bħala parti mit-tlielaq fl-Ewropa għal dan l-istaġun.