Il-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci qal li t-tim ta’ Floriana wera l-valur tiegħu u kien jimmeritah li jirbaħ il-kampjonat. F’kollegament virtwali waqt Net Live, Gaucci tkellem qal li fl-aħħar jiem qabel il-vot tat-Tnejn li għadda, kellu tensjoni fuqu għaliex bħala klabb ma kinux għadhom jafu jekk laħqux l-objettiv tagħhom li jirbħu l-kampjonat.
Riccardo Gaucci jinsab kuntent speċjalment għall-partitarji li kienu ilhom jistennew 27 sena għal dan l-unur. Minbarra li jiddedika l-unur għalihom, Gaucci jiddedika l-unur għal missieru, l-eks President ta’ Perugia Luciano Gaucci li miet ftit tax-xhur ilu.
Dwar l-istaġun li ġej, Gaucci qal li hu mifhum li l-Kampjonat Premier fl-istaġun li ġej jista’ jibda fis-16 ta’ Ottubru. Floriana mistennija jilagħbu qabel minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-UEFA Champions League u għalhekk bħala klabb iridu jkunu jafu meta jistgħu jirritornaw għat-taħriġ.
Hu żied li l-plejers mistennija jibqgħu f’pajjiżna għax-xhur tas-sajf biex ikunu jistgħu jippreparaw għall-impenji fl-Ewropa. Gaucci mistenni jirritorna Malta l-ġimgħa d-dieħla hekk kif għadu jinsab fl-Italja.
//= $special ?>