Kummerċ Lokali

Ix-xogħol fil-Port Ħieles naqas b’36% b’kawża tal-Covid-19

L-ammont ta’ kontejners li daħlu fit-terminal tal-Port Ħieles bejn Marzu u April naqas bi kważi 36% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Iċ-ċifri uffiċjali jindikaw ukoll li l-operatur tat-transport u l-loġistika, Express Trailers kellhom tnaqqis ta’ 40% fix-xogħol tagħhom.

F’kummenti li ta lill-gazzetta Business Observer, il-Kap Eżekuttiv tal-Freeport Alex Montebello qal li bħalissa il-Freeport qiegħed ibati riperkussjonijiet kbar minħabba l-imxija tal-Coronavirus. Infatti l-volum tax-xogħol naqas b’terz fl-ewwel xhur minħabba d-daqqa tal-pandemija.

Il-Port Ħieles jaħdem ma’ aktar minn 90 port internazzjonali, b’50 minnhom jinsabu fil-Mediterran. L-istess kumpanija timpjega 1,500 ħaddiem.

Montebello qal li x-xogħol tal-impjegati fil-Port Ħieles kien u għadu importanti ferm; ħidma imfissra bħala kruċjali fil-mumenti kollha li s’issa għexna tul il-pandemija.

Huwa iżda stqarr li s-settur tal-kummerċ bil-baħar ħa daqqa kbira u bħalissa l-Freeport qed jaffaċċja sfidi enormi, kemm bħala importazzjoni u kif ukoll bħala esportazzjoni tax-xogħol.

Fil-bidu ta’ din l-imxija numru ta’ ħaddiema tal-Freeport baqgħu jagħmlu dak kollu possibbli biex iwasslu l-aqwa servizz, u bil-mezzi tagħhom anki taw kuraġġ lil ħaddiema li jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-Coronavirus, inkluż dawk fl-isptarijiet.