Erba’ xhur minn mindu ġew irreġistrati l-ewwel każi ta’ Covid-19 fl-Ewropa, waqt konferenza tal-aħbarijiet li taw diversi uffiċjali għolja tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa, il-WHO, id-Direttur Reġjonali għall-kontinent Ewropew it-Tabib Hans Kluge qal li l-kontroll tal-firxa tal-virus u l-fejqan tal-ekonomija imorru id f’id u li l-aqwa mod kif nistgħu nipproteġu l-ekonomiji tagħna huwa billi nipproteġu lin-nies.
Kluge qal li wasal iż-żmien li niddiversifikaw l-ekonomiji tagħna. Izda l-aktar importanti hu li l-ekonomiji l-ġodda jpoġġu lin-nies fiċ-ċentru tagħhom u ma jħallu li ħadd jibqa’ lura. “Iridu jkunu ekonomiji li jissalvagwardjaw lill-poplu, li jipproteġu lill-frontliners, u li jħarsu l-ambjent”, qal Kluge.
Id-Direttur saħaq li l-mexxejja tal-pajjiżi għandhom joqgħodu l-ewwel u qabel kollox fuq il-pariri tal-awtoritatjiet tas-Saħħa Pubblika meta jkunu qed jieħdu deċiżjonijet li eventwalment se jħallu effett fuq il-poplu kollu.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet, kienu diversi l-ġurnalisti li staqsew dwar is-sitwazzjonijiet partikolari f’pajjiżhom. Net News staqsa dwar x’għandna nistennew meta jerġa jinfetaħ l-ajruport.
Catherine Smallwood, Uffiċjal Għoli fl-Emerġenza tal-WHO fl-Ewropa qalet li l-aktar ħaġa importanti meta jseħħ il-ftuħ tal-ajruport huwa li dan isir biss meta u jekk Malta tkun preparata għal żieda ġdida fin-numru tal-każi.
Hi saħqet li għad hemm ħafna pajjiżi b’numru kbir ta’ każi u li r-riskju ta’ importazzjoni ta’ każi ġodda huwa għoli meta jerġa jinfetaħ l-ajruport. Hi nsistiet għalhekk li huwa kruċjali li Malta jkollha kollox lest mhux biss fil-punti tad-dħul kollha fil-pajjiż, imma anke fil-qasam tas-saħħa sabiex ikunu jistgħu jinqabdu kemm jista’ jkun każi.
Waqt il-konferenza, id-Direttur Reġjonali ta wkoll rendikont taċ-ċifri fil-kontinent. Huwa qal li minn total ta’ 53 pajjiż u minn popolazzjoni Ewropea ta’ 900 miljun persuna, sa issa ġew ikkonfermati żewġ miljun każ ta’ Covid-19, u mietu 175,000. Minn dawn 59% kienu rġiel.
Fl-aħħar ħmistax, in-numru ta’ każi fir-reġjun Ewoprew telgħu bi 15%. Ir-Russja, ir-Renju Unit, it-Turkija, il-Belarus u l-Italja għad għandhom l-akbar numru ta’ każi. Spanja, l-Italja, ir-Renju Unit u Franza waħdehom jgħoddu 72% tal-imwiet kollha kawza tal-Covid-19 fir-reġjun.
Mandakollu Hans Kluge għamel enfażi wkoll fuq 159,000 mewta oħra li ġew irraportati f’24 pajjiż Ewropew. Dawn, qal Kluge, kienu meqjusa bħala mwiet eċċessivi li seħħew minn Marzu ‘l hawn. Dan ifisser li dawn l-imwiet huma ‘l fuq minn norma għal dan il-perjodu.
Staqsejna jekk dawn l-imwiet eċċessivi kellhomx xi fattur komuni bħal kondizzjoni ta’ saħħa partikolari li kienet komuni għalihom. Catherine Smallwood qalet li din iċ-ċifra tinkludi mwiet riżultat ta’ kwalunkwe kawża, madankollu dan l-eċċess fin-numru jaħbat eżatt maż-żmien fejn il-pajjiżi laħqu l-għola rata ta’ każi u għadaqstant il-WHO tikkonsidra l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-imwiet bħala riżultat tal-virus.
//= $special ?>