Lokali

“Ma nabbużawx minn fondi pubbliċi” – Silvio Schembri

Kważi lanqas titwemmen id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija.

Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru Silvio Schembri – wieħed minn dawk l-erba’ Ministri li nstab ħati illi abbuża minn fondi pubbliċi biex jagħmel reklamar għalih innifsu fuq il-midja soċjali – wassal appell imqanqal biex ma jsirx abbuż mill-fondi pubblici.

“Mhux ħa nippermettu l-ebda abbuż minn dawn l-applikazzjonjiet għax wara kollox dawn il-flus huma fondi pubbliċi, il-flus tal-poplu Malti u Għawdxi”

Huwa kien qiegħed jitkellem fid-dawl tal-applikazzjonijiet għall-iskemi t’għajnuna għall-ħaddiema u n-negozji li ntlaqtu mid-daqqa tal-pandemija.

Silvio Schembri kien issemma’ fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler, fejn kien wieħed minn erba’ Ministri li għamlu użu ħażin mill-fondi pubbliċi.

Sa issa, ghadu mhux maghruf jekk dan il-kaz serju hux qed jiġi investigat mill-Pulizija. Filwaqt li l-Ministri li kienu kkundannati mill-Kummissarju tal-Istandards baqgħu jsostnu li m’għamlu xejn ħażin, fl-ebda ħin ma talbu apoloġija għall-aġir tagħhom jew iddikjaraw li se jroddu l-flus lura.