Lokali Qorti

Mixli li seraq għodda lill-ġar tiegħu

Żagħżugħ ta’ 20 sena, li huwa magħruf sew mal-Pulizija nżamm taħt arrest wara li wieġeb li mhux ħati li seraq l-għodda għad-dannu ta’ ġar tiegħu f’San Pawl il-Baħar.

Ibrahim Micallef tressaq il-Qorti wara li l-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra temmet l-investigazzjoni b’suċċess. Hija mill-ewwel qieset lil Micallef bħala s-suspettat ewlieni wara l-għibien tal-għodda minn residenza.

Is-sid tal-oġġetti nieqsa u l-akkużat kienu jgħixu fl-istess triq. L-allegata serqa seħħet għall-ħabta tal-5.30pm ta’ nhar it-Tlieta. Micallef wieġeb mhux ħati ta’ serq aggravat fuq ta ’propjetà li kellu fil-pussess tiegħu ponn tal-ħadid kif ukoll ta’ sempliċi pussess ta ’kannabis.

Iż-żagħżugħ, li sar reċidiv, ġie akkużat ukoll li allegatament wettaq l-imsemmija reati waqt it-terminu operattiv ta’ sentenza sospiża kif wkoll waqt li qiegħed taħt probation. Iż-żewġ sentenzi kienu ngħataw is-sena l-oħra.

Fid-dawl tal-karattru xejn feliċi tal-akkużat u tal-fedina penali tiegħu, l-Ispettur Godwin Scerri oġġezzjona bil-qawwa għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarka li xhieda pajżana għad iridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, laqgħet dawn l-oġġezzjonijiet u kkonfermat li Micallef għandu jinżamm taħt arrest preventiv. L-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Francesca Zarb kienu l-avukati difensuri.

Micallef kellu diversi każijiet oħra dwar serq li jinkludu serq ta’ bagalji minn lukanda f’San Pawl il-Baħar, u serq ta’ madwar €3,000 fi flus kontanti minn karozzi li kienet ipparkjata wkoll f’San Pawl il-Baħar. Sentejn ilu kien ukoll tressaq il-Qorti fuq serq ta’ tliet televisions u flixken tal-alkoħol mill-istess lokalita,