Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Ninvestu fis-soċjetà ta’ għada” – Adrian Delia

“Flimkien, irridu ninvestu għas-soċjetà ta’ għada. Irridu nfasslu aħna l-futur li nixtiequ, fejn ma nistgħux inkunu reattivi iżda nkunu proattivi.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza webinar li ttella’ mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Newsbook dwar id-dinja ta’ wara l-Covid.

Adrian Delia qal li ftit konna nimmaġinaw li dan il-virus kien se jkun l-ikbar tfixkil li konna se niltaqgħu miegħu fi żmienna.  Għalhekk, huwa importanti ferm li jkun hemm strateġija għal wara l-Covid… li tinbena fuq konverġenza nazzjonali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza l-fatt li l-mudell ekonomiku għandu jkun ibbażat fuq l-abbiltà tal-ħaddiema fejn hemm bżonn li ninvestu fihom ħalli nikrjaw oqsma li huma ta’ valur miżjud.

Waqt l-istess seminar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco saħaq fuq l-importanza li jkun hemm politika ta’ solidarjetà fejn ħadd ma jibqa’ lura. Mario de Marco saħaq fuq il-bżonn ta’ ekonomija li tkun ibbażata fuq il-kwalità u mhux il-kwantità.

F’dan il-webinar ħadu sehem diversi persuni distinti u imsieħba soċjali fosthom. Ipparteċipaw ukoll il-Prim Ministru u l-Arċisqof Charles Scicluna li enfasizza fuq l-importanza li s-soċjetà tkun imsejsa fuq is-sostenibbilta u s-solidarjeta.