Lokali

AĠĠORNATA: Robert Abela jasal lura Malta wara laqgħat fil-Libja

Il-Prim Ministru Robert Abela wasal lura pajjiżna wara li attenda għal laqgħat fil-Libja, mal-Prim Ministru Al Sarraj li jmexxi l-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali.

Flimkien ma’ Robert Abela u madwar 5 persuni oħra, marru l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.

Hu mifhum li waqt dawn il-laqgħat, fost oħrajn kienet diskussa l-kriżi tal-immigrazzjoni.

Fl-aħħar jiem NET NEWS żvela li ddaħħal f’pajjiżna grupp ieħor ta’ immigranti, biex b’hekk dan ix-xahar s’issa ddaħħlu diġa’ tliet gruppi differenti, 63 minnhom jinsabu fuq xtuqna u madwar 300 jinsabu abbord bastiment tal-Captain Morgan ‘il barra minn xtutna.

Din hi t-tieni żjara tal-Prim Ministru Robert Abela barra l-pajjiż billi malli laħaq fil-kariga kellu taħdidiet fi Brussell mal-ogħla diriġenti tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Skont l-avviż legali maħruġ mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, dawk li jaslu lura Malta minn pajjiż ieħor iridu jagħmlu 15-il ġurnata ta’ kwarantina obligatorja inkella jeħlu multa.

Dan ifisser li Robert Abela, Evarist Bartolo u Byron Camilleri jridu jkunu fi kwarantina appena jaslu lura Malta.