Basketball Sport

Tittieħed id-deċiżjoni li jintemm l-istaġun tal-basketball mingħajr rebbieħa fil-kompetizzjonijiet li ma spiċċawx

(Ritratt: Trevor Sollars)

Wara d-deċiżjoni li ttieħdet ix-xahar li għadda, il-Kunsill tal-MBA reġa’ ltaqa’ lbieraħ u ħa d-deċiżjoni finali li jtemm il-kumplament tal-kompetizzjonijiet li kienu ġew posposti. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MBA u r-rappreżentanti tal-klabbs qablu unanimament li jikkanċellaw il-logħbiet li fadal mill-kategoriji tal-kbar sal-kategoriji ta’ taħt l-14-il sena.

Id-deċiżjoni kienet dwar il-kompetizzjonijiet BOV knock-out u t-Tazza Louis Borg tal-irġiel, il-MAPFRE MSV Life knock-out u t-Tazza Louis Borg tan-nisa, il-BOV knock-out tal-Amateur, il-finali ta’ taħt it-23 sena tal-irġiel u l-kampjonati taż-żgħażagħ.

Dan wara li fl-20 ta’ April li għadda, kien ġie deċiż li l-kampjonati BOV tal-Ewwel Diviżjoni u Amateur tal-irġiel u l-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa ġew ikkanċellati u tterminati. B’hekk wara d-deċiżjoni tal-bieraħ, l-istaġun tal-basketball għal dan l-istaġun intemm u minħabba l-abbandunar tal-kompetizzjonijiet l-oħra, m’hemmx timijiet rebbieħa. L-uniku kampjonat li spiċċa għal dan l-istaġun hu dak tan-nisa ta’ taħt it-23 sena mirbuħ minn Starlites.