Sport

27 SENA ILU: Tintemm l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saret għall-ewwel darba f’pajjiżna

29 TA’ MEJJU 1993

Eżattament 27 sena ilu, ġiet fi tmiemha l-ħames edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li għall-ewwel darba kienet saret f’pajjiżna. Malta kisbet total ta’ 31 midalja – erbgħa tad-deheb, sebgħa tal-fidda u 20 tal-bronż – l-akbar total ta’ midalji f’edizzjoni waħda sa dak iż-żmien.

Dakinhar saret iċ-Ċerimonja tal-Għeluq fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, ikkaratterizzata mill-festi tradizzjonali Maltin. Iċ-ċerimonja kienet ikkulurita imma sempliċi. Kien hemm għaqda fost l-atleti tat-tmien pajjiżi parteċipanti. Kien hemm ukoll ir-ritwal tas-soltu hekk kif intfiet il-fjamma Olimpika, tniżżlet il-bandiera tal-Logħob u ngħatat il-bandiera lill-pajjiż li kien imissu jorganizza l-edizzjoni ta’ wara.

Fl-aħħar jum ta’ kompetizzjoni, Malta rebħet żewġ midalji tad-deheb fit-tennis. Il-koppja Gordon Asciak u Chris Gatt rebħu l-kompetizzjoni tal-irġiel u Helen Asciak u Carol Curmi rebħu d-doppji tan-nisa. Iż-żewġ midalji l-oħra tad-deheb intrebħu fl-ibburdjar u l-judo. L-għawm u l-atletika kienu l-aktar dixxiplini li ntrebħu midalji b’żewġ midalji tal-fidda u sitta tad-deheb f’kull sport.