Coronavirus Edukazzjoni Lokali

4 minn kull 5 edukaturi qed iqattgħu iktar sigħat ta’ xogħol – MUT

Ritratt: DOI

Kważi 80% tal-edukaturi qed iqattgħu iktar sigħat ta’ xogħol jaħdmu f’dawn iċ-ċirkostanzi ġodda meta mqabbel maż-żmien meta l-iskejjel kienu għadhom miftuħin.

Dan joħroġ minn stħarriġ magħmul mill-Union tal-Għalliema (MUT) fost l-edukaturi. B’kollox, 692 edukatur ħadu sehem f’dan l-istħarriġ.

Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li 83.5% tal-għalliema irċevew komunikazzjonijiet mingħand studenti jew il-ġenituri tagħhom filgħaxija, fil-weekend jew fil-btajjel. Kważi 64% tal-edukaturi qalu li jwieġbu dawn il-komunikazzjonijiet wara l-ħin tax-xogħol. Ir-raġunijiet msemmija kienu diversi, iżda l-iktar komuni kienu sabiex ma jakkumulax ix-xogħol u li ma jistgħux iżommu mal-ħinijiet tal-iskola minħabba responsabbiltajiet tal-familja.

70.8% qalu li rċivew komunikazzjonijiet minn ta’ fuqhom barra l-ħin tax-xogħol u minn dawn, 19.1% tal-parteċipanti qalu li ta’ fuqhom riedu tweġiba f’ħin li ukoll m’huwiex tax-xogħol.

B’konsegwenza ta’ dan kollu, 45.8% wieġbu li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja ġie affetwat negattivament, filwaqt li 47.5% qalu l-bilanċ kien affetwat fil-pożittiv.

Mil-lat pożittiv, il-parteċipanti wieġbu li din is-sitwazzjoni ġabet magħh iktar ħin mal-familja u inqas stress filgħodu minħabba sewqan fit-traffiku u tiftix għall-parkeġġ.