Futbol Sport

43 SENA ILU: Gowl ta’ Nardu Farrugia jrebbaħ l-FA Trophy lil Valletta u jtemm l-imbattibbiltà ta’ Floriana

(Ritratt: L-orizzont)

29 TA’ MEJJU 1977

Quddiem l-akbar folla tal-istaġun 1976/77, Valletta rebħu l-FA Trophy għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom. Kien gowl ta’ Nardu Farrugia li ddeċieda l-konfront, riżultat li waqqaf is-sensiela ta’ 37 logħba mingħajr telfa fil-kompetizzjonijiet kollha għat-tim Furjaniż. Fl-ewwel taqsima, Floriana kienu teknikament superjuri iżda wara li fit-tieni taqsima Valletta marru fil-vantaġġ, imtlew b’kunfidenza li biha rnexxielhom irażżnu l-isforzi tal-avversarji.

Fost l-azzjonijiet perikolużi ta’ Floriana, man-nofs siegħa logħob daqqa ta’ ras ta’ George Xuereb falliet il-mira bi ftit filwaqt li qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt ta’ Norman Darmanin Demajo ġie mblokkat f’korner minn Anton Camilleri. Valletta skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-56 minuta b’xutt insidjuż u fil-baxx ta’ NARDU FARRUGIA li għeleb lil Mike Sultana. Il-Beltin setgħu anki rduppjaw b’xutt mill-isbaħ ta’ Vince ‘Maxi’ Magro li iżda kien blokkat minn Holland f’korner.