Raġel ta’ 56 sena hu t-tmien vittma tal-Coronavirus f’pajjiżna. L-aħbar, żvelata minn NET News, kienet ikkonfermata fi stqarrija mill-Ministeru tas-Saħħa.
Dan it-tieni każ fl-istess ġimgħa seħħ minkejja li fl-aħħar jiem, kien innutat tnaqqis qawwi ta’ każi pożittivi ġodda. Ir-raġel tilef ħajtu matul il-lejl wara li kien ilu 13-il jum li ġie ċċertifikat pożittiv għall-virus.
Fil-fatt, hu rriżulta pożittiv fis-16 tax-xahar u kien ikkonfermat pożittiv l-għada. Skont il-Ministeru tas-Saħħa, hu kellu diversi kundizzjonijiet kroniċi.
Dan il-każ isegwi l-mewt ta’ anzjan ta’ 97 sena, li tilef ħajtu l-Erbgħa li għadda fl-Isptar Karin Grech.
//= $special ?>