Lokali

BIEDJA: Industrija ta’ żewġ miljuni tispiċċa fix-xejn

L-esportazzjoni tal-patata, għal diversi bdiewa Maltin, tfisser il-bażi tal-għixien tagħhom, u ilha hekk għal diversi snin.

Madankollu, din is-sena dawn il-bdiewa se jsofru daqqa kbira, hekk kif l-esportazzjoni mhux se ssir –  vittma oħra, fost il-ħafna, tal-Covid-19. Dan għaliex it-talba għall-prodott tal-bdiewa tagħna mill-pajjiżi Ewropej din is-sena naqset immens, u anke l-loġistika saret aktar diffiċli.

Mal-500 tunnellata ta’ patata li kienu lesti biex jintbagħtu lil hinn min xtutna għas-suq Ewropew, issa l-bdiewa jridu jaraw x’se jagħmlu bihom, hekk kif l-eluf kbar ta’ Ewro li nvestew qed jidhru dejjem aktar li se jisfumaw tista’ tgħid fix-xejn.

Din l-industrija ta’ kull sena tħalli maż-żewġ miljuni lill-bdiewa tagħna. Din is-sena se tkun qed tħalli ħafna spejjeż, kif spjegalna Malcolm Borg, Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi. Hu spjegalina kif il-patata li tkun qed tinaqala’ f’dawn il-jiem , inżergħet erba’ xhur ilu, meta l-pandemija kienet għadha ma faqqgħetx.

Malcolm Borg – Kordinatur Għaqda Bdiewa Attivi

Bdiewa Maltin li l-għelieqi tagħhom bħalissa huma mimlijin bi frott arthom u bżulithom, jinsabu f’xifer disprament,u se jispiċċaw jarmu l-patata li tant bgħatew biex kabbru.

Fi żminijiet normali, xkora patata ta’ 25 kilo tinbiegħ madwar €12. Bħalissa l-valur tagħha niżel bin-nofs.

Ikkummenta