Impenn għas-Saħħa Lokali Saħħa

Caritas Malta b’servizz residenzjali għal Persuni b’dipendenza fuq id-Droga f’Dar Charles Miċeli

Hekk kif bdiet tfeġġ il-COVID-19 Caritas Malta kellha twaqqaf id-dħul fid-djar ta’ riabilitazzjoni mid-dipendenza fuq id-droga. Dan ġab tħassib serju dwar kif persuni mifnijin bil-problema tad-droga u l-familji tagħhom se jagħmlu mingħajr refuġju anke fid-dawl li ħafna mis-servizzi li jagħmlu użu minnhom dawn il-persuni ġew limitati.

Wara ġimgħat ta’ ħidma intensiva b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati, waslu l-ewwel tliet persuni biex jibdew il-vjaġġ tagħhom f’San Blas wara perjodu ta’ ġimagħtejn kwarantina f’Dar Charles Miceli fil-Mosta.

Dar Charles Miceli, iċ-ċentru ta’ Caritas Malta ta’ Aftercare, għal dawn l-aħħar sentejn serva biex jilqa’ lil dawk il-persuni li temmew il-mixja tagħhom fi programm residenzjali, u biex dawn jirrintegraw ruħhom lura fis-soċjetà.

Illum, f’sitwazzjoni straordinarja u ta’ emerġenza, filwaqt li s-servizzi ta’ Aftercare komplew b’mod addattat għal-COVID-19, parti minn Dar Charles Miceli, qed isservi biex tilqa’ lil dawk li jixtiequ jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni.

Din id-dar tat servizz lil madwar 200 persuna fis-sena, li sabu sapport 24/7 mit-Tnejn sal-Ħadd u fuq kollox serva ta’ hub soċjali għal dawn il-persuni.

Joshua Aquilina, il-Kordinatur tal-programmi ta’ riabilitazzjoni fi ħdan il-Proġett Tama Ġdida, spjega li filwaqt li s-servizzi ta’ Aftercare li tipprovdi Dar Charles Miceli għadhom qed jiġu pprovduti b’mod adattat għal-COVID-19; issa d-Dar qed tipprepara wkoll lil dawk li jixtiequ jagħmlu programm residenzjali.

Dan isir billi persuna tinżamm ħmistax-il ġurnata kwarantina biex ikun assigurat li l-persuni m’għandhomx il-virus qabel jidħlu San Blas. Kull ġimagħtejn ikunu jistgħu jidhlu 3 persuni ġodda li għandhom bżonn is-servizz.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li wara diversi ġimgħat ta’ laqgħat u ppjanar wasalna biex nagħtu dan is-servizz b’rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet u bi proċeduri li jipproteġu l-klijenti u lill-istaff.

“Dan kollu biex b’hekk inkunu strument li nerġgħu nagħtu dinjità li tixraq lil dawn l-individwi u li meta se jħabbtu l-bieb tagħna se jerġgħu jsibuh miftuħ”

It-tliet residenti li għadhom kif għaddew min din il-kwarantina xtaqu jaqsmu xi ħsibijiet biex jagħmlu l-kuraġġ lil ta’ warajhom. Hekk kif illum se jkunu qed jimxu pass ieħor u jibdew il-mixja tagħhom lejn San Blas esprimew hekk:

Wieħed minnhom qal, li ‘ftit tax-xhur ilu erġajt mort inħabbat il-bieb ta’ Caritas wara 19-il sena li kont waqaft mill-użu tad-droga. Bil-bibien miftuħa u tgħanniqa għal darb’oħra reġgħu laqgħuni minnufih.

‘Waqaft nuża għal perjodu ta’ ġranet. Kelli data fissa biex nidħol San Blas nagħmel programm ta’ riabilitazzjoni, iżda ġara li faqqgħet din il-pandemija tal-Covid 19 u għalhekk bħalma jaf kulħadd waqaf kollox.

‘Xorta waħda bqajt clean (jiġifieri ma nużax droga). Kelli tama li għad jgħaddi kollox u nidħol. Iżda l-pandemija baqgħat tinfirex u ġara li bil-ħila ta’ ħafna staff u membri ta’ Caritas iddeċidew li parti mid-Dar Charles Miceli tintuża għal kwarantina.

‘Jien flimkien ma’ żewġt żgħażagħ oħra ntgħażilna biex nibdew nippreparaw għal programm. Kienet sfida kbira għal kulħadd u lkoll konna ninsabu b’tip ta’ stress sakemm bdiet taħdem l-istruttura.

‘S’intendi matul dawn il-ħmistax inqalgħu diversi emozzjonijiet li drabi oħra konna mill-ewwel naraw kif se naħarbu minnhom billi nduru għad-droga. Hawn f’ din id-dar sibna wisq għajnuna.

‘Bdejna nitgħallmu kif għandna niffaċċaw ir-realtà u negħlbuha bil-ħsieb. Naħdmu kif nistgħu nirranġaw u ma mmorrux lura, nimxu ’l quddiem. Dan għalija huwa t-tieni pass ta’ mixja twila.

‘Sirna nafu iktar lil xulxin u perswaz li FLIMKIEN id f’id nistgħu nkunu ta’ appoġġ għal xulxin u naslu biex nilħqu l-għanijiet tagħna. Grazzi lil kulħadd.”

Ieħor tenna li ‘dawn il-ħmistax-il ġurnata li għamilt hawn nista’ ngħid li kienu tajbin għalija personali. Dawn l-aħħar sitt xhur qabel ma dħalt hawn, kont qiegħed inqattagħhom id-dar. Spiċċajt bla xogħol, ma nagħmel xejn u mingħajr skop.

‘Għallinqas hawn kelli struttura, sibt żewġ residenti oħra li għaddejna mumenti sbieħ flimkien u staff li stajna niftħu qalbna miegħu. Konna stmati tajjeb ħafna rigward ikel u affarijiet bżonnjużi ta’ kuljum.

‘Xi ftit mumenti diffiċli kelli wkoll bħal meta tibda timmissja lil tad-dar, barra u ġranet li forsi jkollok nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-bqija bħala struttura naħseb li hija tajba u ideali ħafna għal min ikun għadu dieħel minn hemm barra. Fl-aħħar u mhux l-inqas nixtieq nirringrazzja lill-istaff u r-residenti l-oħra għal għajnuna li tawni waqt dawk il-mumenti diffiċli li kelli.’

Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta esprima apprezzament għal kull min ta’ sehem biex naslu għal dan is-servizz, “Qabel xejn nirringrazzja lill-Ministru Michael Falzon u l-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali li kkontribwixxa fondi għall-operat ta’ Dar Charles Miceli sa mill-bidu tal-ftuħ ta’ din id-dar.

Dawn il-fondi li ssarfu f’għajnuna kruċjali għal għexieren ta’ persuni li llum sabu posthom fis-soċjetà; għall-appoġġ sħiħ tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u anke l-effiċenza tal-istess awtorità biex ħarġet il-liċenzja ta’ emerġenza għal dan is-servizz.

Dan kollu fuq pariri tas-saħħa pubblika; għal numru kbir ta’ benefatturi għas-sostenn finanzjarju u materjali u li għenu biex isir l-adattament tal-post biex ikun jista’ jiġi trasformat fi kwarantina; finalment grazzi kbira lill-istaff kollu li ħadmu id f’id, b’mod dedikat u għall-flessibbilità li wrew biex jintgħeleb l-ostaklu li ħolqot il-COVID-19.”

Id-Direttur ta’ Caritas jesprimi x-xewqa li din l-istqarrija u l-esperjenzi ta’ dawn ir-residenti jnisslu tama ġdida għal dawk li fiċ-ċirkostanza tal-COVID-19 kienu qed jaraw bis-ħajt u ostakli biex jagħmlu pass ’il quddiem f’ħajjithom.

Wieħed mill-kunċetti fil-programm itenni li ‘vjaġġ ta’ elf mil li jibda bl-ewwel pass’. Caritas Malta tawgura s-saħħa u l-kuraġġ lil dawn ħutna li waslu biex jagħtu l-ewwel pass.