Lokali

Charmaine Gauci innominata għall-mertu Siġġiewi

Il-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi nnominaw lill-Professur Charmaine Gauci, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, għall-Onorefiċenza Mertu Siġġiewi, bħala residenta tal-lokalità li wettqet ħidma mill-aktar kruċjali u professjonali f’dan il-perjodu tal-pandemija tal-Coronavirus, iżda anke fis-snin kollha li ilha sservi f’dan ir-rwol.

F’Mozzjoni mressqa mill-Minority Leader Alessia Psaila Zammit, kif ukoll mill-Kunsillieri Lokali Julian Borg u Francine Farrugia, ingħad li l-ħidma tal-Professur Gauci dejjem kienet ta’ ġieħ u ġid mhux biss għas-Siġġiewi, iżda għall-pajjiż kollu.

Għaldaqstant, din għandha tkun rikonoxxuta u apprezzata mill-Kunsill Lokali.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalu li jistennew li fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali, skedata għat-8 ta’ Ġunju, ikun hemm qbil unanimu dwar din il-Mozzjoni, bħalma hawn kunsens fil-pajjiż kollu fost persuni ta’ kull twemmin politiku.

Min-naħa tiegħu, permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-Professur Gauci jistħoqqilha biss ġieħ, ħajr u rispett.