Lokali Saħħa

COVID-19: Ebda każ ġdid; persuna tiddaħħal fl-ITU

Il-każ attivi jinżlu għal 94

Fl-aħħar jumejn ifiqu 23 persuna

Waqt il-konferenza stampa indirizzata mill-Professur Charmaine Gauci, hija kkonfermat li t-8 fatalità kawża tal-Covid-19 f’pajjiżna huwa raġel ta’ 56 sena li kien infettat waqt li kien qed jingħata kura fl-Isptar Mater Dei.

Dan ifisser li 7 imwiet minn 8 kawża tal-Coronavirus huma persuni li ġew infettati mill-virus waqt li kienu qed jingħataw kura fi sptarijiet lokali.

Hija ħabbret ukoll li fl-aħħar jumejn irkupraw 23 persuna mill-Covid-19, sabiex it-total ta’ dawk il-persuni li fiequ kien dak ta’ 514.

Dan filwaqt li l-Professur Charmaine Gauci spjegat li illum ma ġie ttestjat l-ebda persuna pożittiva sabiex issa l-każijiet huma dawk ta’ 616 u l-attivi huma 94.

Is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika spjegat li l-4 persuni li tħabbru pożittivi l-Ħamis huma;

Mara Maltija ta’ 33 sena, wara li r-raġel tagħha ħareġ pożittiv. Hija kienet tinsab fi kwarantina flimkien mar-raġel.

Żewġ persuni fost dawn l-4 huma t-tnejn carers li jaħdmu fi sptar Karin Grech.

Kien hemm ukoll każ sporadiku ta’ 53 sena ukoll kellha numru ta’ sintomi fosthom deni, nuqqas ta’ xamm u uġiegħ fil-muskoli.

Persuna pożittiva qed tingħata l-kura fl-ITU

Prof. Charmaine Gauci spjegat li fost il-każijiet li qed jingħataw kura fl-Isptar Mater Dei, kien hemm persuna li kellha tingħata l-kura fl-ITU madanakollu s’issa ma kienx hemm għalfejn l-assistenza ta’ ventilator.

Mistoqsija minn NET NEWS, Prof. Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku sabiex ma jibżgħux milli jmorru jieħdu l-kura fl-Isptarijiet lokali minkejja ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom. Hija saħqet li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jieħdu l-miżuri kollha possibli sabiex jissalvagwardaw is-saħħa tal-pubbliku.