Coronavirus Internazzjonali Lokali

Il-Greċja tiftaħ il-bibien tagħha għall-Maltin

Malta hija fost id-29 pajjiż li l-Greċja se tiftaħ il-bibien tagħha għalihom mill-15 ta’ Ġunju.

Dan tħabbar illum hekk kif ninsabu biss jiem bogħod mill-bidu tal-eqqel tal-istaġun turistiku għall-pajjiż.

Il-Greċja tistrieħ b’mod qawwi fuq it-turiżmu, u kien irnexxielha toħroġ minn sitwazzjoni ta’ djun qawwija lejn l-aħħar tal-2018, biex tul l-2019 rat madwar 33 miljun turist li komplew taw spinta lill-ekonomija.

Il-pajjiżi l-oħra fil-lista huma l-Ġermanja, l-Awstrija, id-Danimarka, in-Norveġja, Ċipru, l-Iżrael, l-Iżvizzera, il-Ġappun, il-Bulgarija, iċ-Ċina, il-Kroazja, l-Awstralja, New Zealand, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, l-Estonja, il-Latvja, il-Lebanon, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Korea t’Isfel, is-Serbja, il-Montenegro, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċekau l-Fillandja.

Il-Ministeru tat-Turiżmu qal li viżitaturi tal-pajjiż se jkunu ttestjati b’mod sporadiku u li l-Gvern Grieg se jkun qiegħed kontinwament jevalwa żviluppi marbuta mal-Coronavirus.

Il-lista tal-pajjiżi se tkun riveduta fl-1 ta’ Jannar.

Il-Greċja kienet ilha fi stat ta’ lockdown minn Marzu u rnexxielha trażżan tajjeb ħafna l-każi tal-virus fost il-popolazzjoni. Madankollu l-ekonomija kienet waqfet tista’ tgħid għal kollox.