Il-pilloli tal-kontraċezzjoni (Oral Contraceptive Pill – OCP) għandhom jitqiesu bħala mediċina essenzjali mhux biss għax għandhom il-funzjoni ta’ kontraċezzjoni, imma għaliex dawn il-pilloli jintużaw għall-kundizzjonijiet numerużi li jaffettwaw is-saħħa tal-mara.
Id-deputati Parlamentari Nazzjonalisti Stephen Spiteri u Claudette Buttigieg għan-nom il-Partit Nazzjonalista spjegaw li l-Gvern għandu jpoġġi numru ta’ OCPs fuq il-formolarju tal-mediċini sabiex dawn jibdew jingħataw b’xejn, speċjalment f’każijiet fejn nisa m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jixtru dawn il-mediċini.
Huma saħqu li l-Gvern għandu wkoll jaħdem fuq l-aċċessibilità vera tal-OCPs billi jassigura, mhux biss li dawn il-mediċini jkunu fis-suq (speċjalment f’ċirkostanzi bħalma huma dawk tal-COVID-19) imma jassigura wkoll li dawk l-OCPs li ma jkunux fuq il-formolarju jinbiegħu bi prezz li jintlaħaq aktar minn firxa wiesgħa ta’ nisa.
Minn naħa l-oħra spjegaw li huwa totalment inaċċettabbli u irresponsabbli li politiċi li jridu jiskurjaw punti man-nies, jagħmlu dikjarazzjonijiet populisti, fosthom li OCPs għandhom jkunu aċċessibli mingħajr riċetta tat-tabib.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa fatt magħruf sew li numru ta’ OCPs jista’ jkollhom side-effects qawwija ħafna li jistgħu jkunu ta’ detriment serju għal min jieħodhom bla parir mediku. L-istess riċetta tat-tabib għandha wkoll tkun ta’ inċentiv sabiex in-nisa jżuru lit-tobba b’mod regolari u b’hekk jieħdu ħsieb aktar ta’ saħħithom b’mod preventiv.
//= $special ?>