Futbol Sport

Il-kampjonat Spanjol La Liga se jkompli fil-11 ta’ Ġunju bid-derby ta’ Sevilla

Il-kampjonat Spanjol La Liga se jkompli fil-11 ta’ Ġunju wara nuqqas ta’ tliet xhur bid-derby ta’ Sevilla bejn Sevilla u Real Betis. Il-Ġimgħa l-oħra, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez ta l-permess biex l-ogħla żewġ diviżjonijiet tal-futbol ikomplu mit-8 ta’ Ġunju. Il-logħbiet mistennija jintlagħbu kuljum sa tmiem l-istaġun fid-19 ta’ Lulju, bil-kompetizzjonijiet Ewropej mistennija jintlagħbu fi tmiem il-kampjonati domestiċi. Il-President ta’ La Liga Javier Tebas ikkonferma wkoll li l-istaġun 2020/21 mistenni jibda fit-12 ta’ Settembru.

Jinsabu għaddejjin ukoll diskussjonijiet bejn l-uffiċjali tal-kampjonat dwar il-possibbiltà li jagħtu l-għażla lill-partitarji biex jaraw ix-xandira diretta mill-istadiums vojta jew bil-partitarji fl-istands, simili bħal-logħob virtwali. Fil-kampjonat, iċ-champions Barcelona jinsabu żewġ punti fuq Real Madrid filwaqt li hemm ħames punti bejn il-klabbs tat-tielet u s-seba’ post li qed jissieltu għal post fl-Ewropa l-istaġun li jmiss.