Lokali Qorti

Il-Qorti tgħid li nkisru d-drittijiet ta’ Yorgen Fenech bir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 li tawwal il-proċess

Mistennija talba oħra għal libertà proviżorja

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ordnat li l-kumpilazzjoni fil-provi kontra Yorgen Fenech għandha tkompli immedjatament peress li ġew miskura d-drittijiet ta tiegħu fuq ir-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika imposti minħabba COVID-19.

Fenech kien fetaħ kawża kostituzzjonali kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci minħabba d-dewmien biex ikompli jinstema’ l-każ tiegħu. Il-Qorti qalet li r-restrizzjonijiet tal-pandemija tawlu l-proċess fil-każ tiegħu.

Sadanittant Net News huma nfurmat li fid-dawl ta’ dan kollu d-difiża ta’ Fenech, l-allegat kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, mistennija jagħmlu talba oħra għal libertà proviżorja tiegħu fid-dawl li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu.

L-imsemmija talba mhux mistennija ssir nhar it-Tnejn meta għandha titkompla l-kumpilazzjoni, iżda ftit tal-jiem wara. Sa issu saru diversi talbiet li lkoll kienu miċħuda.

L-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, li qegħdin jidhru għal Fenech, argumentaw fost affarijiet oħra li l-Avviżi Legali li ssospendew il-proċeduri kollha tal-qorti minħabba l-pandemija kienu kisru d-dritt tiegħu għall-ġustizzja fi żmien raġonevoli.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Mintoff saħaq li huwa minnu li d-drittijiet tal-akkużat kienu miksura u ordna li l-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli immedjatament u mingħajr ebda dewmien.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li m’għandhiex tidħol fil-mertu ta’ jekk fil-kuntest preżenti tal-pandemija COVID-19 kellhiex tiġi dikjarata emerġenza pubblika skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Imma l-Qorti tqis li la darba fis-sitwazzjoni preżenti ma nħarġitx Proklama mill-President ta’ Malta skont l-artikolu 47(2)(b) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, imma ġiet iddikjarata biss emerġenza tas-saħħa pubblika, il-kumpilazzjonijiet ta’ persuni li jinsabu taħt arrest preventiv ma setgħux jiġu sospiżi sine die b’mod indefinit bi ksur tal-artikolu 34 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u ta’ artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Fi Stat ta’ Dritt u f’sitwazzjoni fejn ma jkunx ġie dikjarat stat ta’ emerġenza pubblika permezz ta’ Proklama mill-Eċċellenza Tiegħu President ta’ Malta, l-Avviżi Legali, jibqgħu m’għandhomx jitqiesu li huma ’l fuq mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif sanċiti fl-artikoli 34 u 47 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u fl-artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea.58

Il-Qorti qalet ukoll li tqis ukoll illi ladarba li bir-rimedju li ser jingħata b’din is-sentenza, għandha titneħħa s-sospensjoni sine die tas-smigħ tal-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech.

L-Avukati Maurizio Cordina u Antoine Agius Bonnici rrappreżentaw l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Sadanittant Melvin Theuma li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nhar it-Tnejn li ġej mistenni jkompli jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech.

Dan wara li bil-mod il-mod jidher li se jibda jirranka xi ftit ix-xogħol fil-Qorti wara li ġew differeti ħafna mis-seduti minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. Il-kumpilazzjoni ta’ nhar it-Tnejn għandha tibda fl-10.00am.