Il-Covid-19 ( coronavirus) għadu fostna u waqt li qed jiżdiedu mill-ġdid il-movimenti tan-nies fil-pajjiżi, l-awtoritajiet – u l-popli – għandhom ikunu preparati għal ‘inċidenzi ġodda ta’ infezzjoni li kapaċi jiżviluppaw fl-inqas ħin possibbli’.
It-twissija ngħatat mit-tabib, David Nabarro, li hu r-rappreżentant speċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Covid-19. Hu kien qed jitkellem waqt intervista lill-programm Today tal-BBC Radio 4.
Nabarro għamilha ċara li waqt li l-pajjiżi qegħdin inaqqsu r-restrizzjonijiet tal-lockdown, in-nies għandhom ikomplu jipprattikaw id-distanzi soċjali kemm jistgħu. Twissija speċifika oħra kienet biex in-nies jiżolaw ruħhom minnufih f’sitwazzjonijiet fejn ikunu qed iħossu s-sintomi tal-mard.
Meta tkellem dwar il-persuni partikularment vulnerabbli għal din il-marda, Nabarro qal li jemmen li ‘dawn in-nies se jkollhom jagħmlu l-għażliet huma dwar il-livell tas-sogru li jridu jiffaċċjaw ‘il quddiem’.
Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsija dwar jekk l-aktar persuni f’periklu minn dan il-virus għandhomx jistennew sakemm jinsab vaċċin qabel jistgħu joħorġu minn djarhom b’rashom mistrieħa. Nabarro qal li huwa wkoll jinsab ‘fil-kategorija ta’ persuni vulnerabbli’ u li jixtieq li jista’ jara lill-familja tiegħu.
Sadanittant, hu wissa mill-ġdid dwar il-potenzjal li tiżviluppa ‘malajr’ mewġa ġdida tal-Covid-19 u ħeġġeġ biex wieħed iżomm f’moħħu dejjem l-element ta’ sogru minkejja t-tnaqqis fil-lockdowns u d-dehriet ta’ nies li qegħdin jirritornaw, ftit jew wisq, għall-ħajja normali.
Ir-Russja rappurtat 232 mewta mill-Covid-19 f’perjodu ta’ 24 siegħa u li hu rekord ta’ imwiet għal ġurnata waħda. L-ammont ta’ vittmi fuq bażi nazzjonali issa qabeż l-4,400 u wara li fil-pajjiż ( li għandu t-tielet l-akbar inċidenza ta’ coronavirus) kienu konfermati ‘il fuq minn 8,600 infezzjonijiet ġodda.
Iċ-ċifri tal-imwiet allarmanti qed jingħataw fi żmien meta l-Ministeru tas-Saħħa Russu ‘aktar milli rdoppja’ l-għadd inizjali ta’ mejtin mill-Covid-19 li kienu ġew rappurtati f’Moska għax-xahar ta’ April. Dan fost akkużi li r-Russja kienet qed tipprovdi ‘statistika anqas gravi’ dwar il-veru effetti tal-virus.
Madankollu, Spanja, mill-ġimgħa d-dieħla, għandha tmexxi ‘mas-70 fil-mija tal-pajjiż’ lejn it-Fażi 2 tat-tneħħija tal-lockdown. Mistenni li s-swali taċ-ċinema u t-teatri; il-kumplessi fejn isiru l-kunċerti u ċ-ċentri kummerċjali f’dan il-pajjiż jerġgħu jiftħu fuq bażi limitata, min-nhar it-Tnejn.
Intant, ‘il fuq minn 200 skola fil-Korea t’Isfel irritornaw għas-sistema tat-tagħlim online, jiem biss wara li kienu reġgħu fetħu u ladarba feġġet inċidenza ġdida tal-virus. Dan waqt li l-pajjiż Asjatiku rrapporta 79 każ ġdid tal-Covid-19 fi żmien 24 siegħa, li hi l-ogħla ċifra għal ġurnata waħda (fil-Korea t’Isfel) tul dawn l-aħħar xahrejn.
Anki fil-Ġappun feġġew numru ta’ infezzjonijiet ġodda bil-Covid-19 qalb iz-zoni tal-lbiċ. Il-każi kienu konfermati jiem biss wara li l-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, kien neħħa l-istat ta’ emerġenza.
L-aħħar rapport dwar l-infezzjonijiet ġodda bil-Covid-19 mill-Brażil ikkonferma rekord ġdid – 26,417 – għal jum wieħed fil-pajjiż.
Skont l-aħħar statistika dwar il-Covid-19 ipprovduta mill-Johns Hopkins University tal-Istati Uniti, il-vittmi madwar id-dinja laħqu t-360,000 ( bħala minimu) meta hemm qrib is-sitt miljun każ ta’ infezzjoni fuq skala globali.
//= $special ?>