Rick Hunkin, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta p.l.c., ġie elett Chairman tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin (MBA) għas-sena li ġejja. Il-ħatra tiegħu tħabbret wara l-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni li saret fit-28 ta’ Mejju 2020, li matulha wkoll Joseph Said, il-Kap Eżekuttiv tal-Lombard Bank Malta p.l.c., ġie elett Deputat Chairman għall-istess perjodu.
Is-Sur Hunkin irringrazzja lill-membri tal-Assoċjazzjoni għall-appoġġ u l-fiduċja tagħhom f’dan iż-żmien tabilħaqq ta’ sfida għas-settur bankarju u għall-ekonomija Maltija u dinjija, b’mod ġenerali.
Radd ħajr liċ-Chairman u d-Deputat Chair, Marcel Cassar u Andrew Beane rispettivament, li se jtemmu l-karigi tagħhom, għax-xogħol validu li għamlu fl-aħħar sentejn f’kundizzjonijiet inqas favorevoli għas-settur.
Is-Sur Hunkin qal ukoll li hu ħerqan biex jaħdem mal-banek membri kollha tal-MBA biex imexxi aġenda li biha jappoġġjaw l-ekonomija Maltija ħalli jtaffu l-impatt tal-pandemija COVID-19.
Is-Sur Hunkin tkellem ukoll fuq l-irwol u l-importanza tal-MBA fis-sitwazzjoni kurrenti, li matulha l-banek lokali kollha, irrispettivament mill-isfidi tal-operat tagħhom, ikkoperaw mal-MBA biex jiżguraw li joffru servizzi bankarji mingħajr skossi biex jilħqu d-domanda tal-komunità u n-negozji lokali.
Ta wkoll mill-ġdid l-assigurazzjoni tiegħu li l-MBA hi impenjata b’mod sħiħ biex tibni u tissalvagwardja r-reputazzjoni tajba tas-settur tas-servizzi finanzjarji, u li se tkompli tikkollabora mal-awtoritajiet relevanti fil-ġlieda komuni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Hunkin stqarr li, minbarra dan, l-Assoċjazzjoni se tibqa’ kommessa li tippromwovi b’mod attiv il-koperazzjoni, id-djalogu u l-appoġġ sħiħ bejn l-imsieħba tagħha, l-awtoritajiet kompetenti u entitajiet relevanti oħra.
Fil-kapaċità tiegħu bħala Chairman tal-MBA, is-Sur Hunkin jirrappreżenta wkoll l-Assoċjazzjoni fil-Bord tal-Federazzjoni Bankarja Ewropea. L-MBA hi membru sħiħ ta’ din il-Federazzjoni li hi impenjata biex tappoġġja l-linji ta’ politika li jħaddnu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jgħaqqdu 32 assoċjazzjoni ta’ banek nazzjonali fl-Ewropa.
Dawn bejniethom jirrappreżentaw madwar 4,500 bank b’madwar 2.1 miljun impjegat, u li joffru self li jaqbeż l-€20 triljun fl-ekonomija Ewropea. Hunkin inħatar Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta u direttur eżekuttiv fil-Bord tal-Bank fl-1 ta’ Jannar 2020.
Għandu esperjenza estensiva fil-qasam bankarju internazzjonali, fis-servizzi bankarji għall-konsumaturi, fil-mortgages u fit-tfaddil, fl-immaniġġjar tar-riskju, fil-programmi ta’ bidla tas-settur bankarju, u fl-infrastrutturi ta’ corporate governance.
Beda l-karriera tiegħu ma’ NatWest, u mbagħad kompla ma’ LloydsTSB, u fl-aħħar 35 sena kien involut f’firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet u okkupa karigi f’bordijiet ta’ diversi kumpaniji tas-servizzi finanzjarji fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħra.
Hunkin għandu Masters fil-Business Administration minn Manchester Business School u Financial Studies Diploma – kwalifika fil-livell ta’ grad miċ-Chartered Institute of Bankers u Sheffield Hallam University.
Kien elett Fellow of the Chartered Institute of Banking kemm fl-Ingilterra kif ukoll fl-Iskozja (FCIB, FCIBS) għas-servizzi tiegħu fl-oqsma bankarji u edukattivi.
Is-Sur Joseph Said hu l-Kap Eżekuttiv u direttur eżekuttiv ta’ Lombard Bank Malta. Beda l-karriera bankarja tiegħu ma’ Barclays Bank, li fl-1975 sar Mid-Med Bank, fejn ħadem għal sbatax-il sena fl-oqsma kollha tal-bank.
Fl-1985 beda kariga fis-settur privat u involva ruħu f’numru ta’ impriżi ġodda u inizjattivi. Is-Sur Said irritorna fis-settur bankarju fl-1998 bħala Kap Eżekuttiv tal-Lombard Bank. Fl-2007 inħatar ukoll Chairman ta’ MaltaPost p.l.c, l-operatur tas-servizzi postali f’Malta, u huwa direttur mhux eżekuttiv fil-Bordijiet ta’ numru ta’ kumpaniji oħra.
Ritratt: Mix-xellug: Rick Hunkin u Joseph Said, iċ-Chairman u Deputy Chairman rispettivament tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin
//= $special ?>